Lokali Parlament

Id-Deputat Laburista Charles Mangion iwieġeb lill-Ministru Bartolo … u jappella għal aktar prudenza

Id-Deputat Laburista Charles Mangion illejla fil-Parlament wieġeb għar-rimarki u l-kritika li għamel ilbieraħ il-Ministru Laburista Evarist Bartolo li qal li m’għandux fiduċja fiċ-Chairperson preżenti tal-Awtorità ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji (MFSA), Joe Bannister, bid-Deputat Laburista jappella għal aktar prudenza fid-diskors u fil-kritika.

Fid-dibattitu tal-lejla fi stadju ta’ Kumitat dwar l-Abbozz ta’ Liġi b’rabta ma’ emendi fil-liġijiet dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji, id-Deputat Laburista Charles Mangion irirmarka li l-każ li reġa’ tqajjem ilbieraħ fil-Parlament mill-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo, kien diġà tqajjem fl-2012 kontra l-istess Chairperson tal-MFSA.

Charles Mangion fakkar li dakinhar, il-Prim Ministru Gonzi kien għamel il-verifiki quddiem l-allegazzjonijiet u l-kritika li kienet saret, b’Joe Bannister kien konfermat biex ikompli bit-tmexxija tal-MFSA wara li saru l-verifiki meħtieġa.

Id-Deputat Laburista semma l-qbil li dejjem inżamm fil-Parlament dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji li ta s-saħħa lill-pajjiżna u s-settur kompla jikber.

Wissa li rridu wkoll inħarsu min ikun qed imexxi din l-istituzzjoni u nkunu attenti li b’ċertu rimarki ma titnaqqasx is-saħħa u r-reputazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni.

Id-Deputat Laburista Charles Mangion ikkonferma li, fis-snin twal li ilu fil-kariga Joe Bannister, dan is-settur mar ‘il qudidem u l-MFSA żammet ir-reputazzjoni.

Appella lil Joe Bannister iżomm ir-reputazzjoni li dejjem żamm, filwaqt li appella għal aktar prudenza.