Id-Deputat Laburista Franco Mercieca wassal messaġġ ċar lill-Ministru Laburista Chris Cardona biex jitlob skuża għal-lingwaġġ li uża fil-Konferenza Laburista l-Ħadd li għadda meta wissa li “jekk politikament se ttuna bis-sejf, ħa ntukom bil-mannara”.
Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, Franco Mercieca ddeskriva lilu nnifsu bħala persuna li mhux politikament fanatiku u li hu meqjus bħala moderat fil-Partit Laburista.
Filwaqt li rrifera għall-klima politika li hawn f’pajjiżna fil-preżent, iddikjara li ma jaċċettax u jiddejjaq b’kummenti dispreġjattivi bħal dawn għax huma kummenti ta’ għajb għal min jagħmilhom.
Franco Mercieca qal li min jagħmel kummenti bħal dawn għandu jagħmel apoloġija għax ma jemminx li fl-2016 għandna naslu nagħmlu dawn il-kummenti u din il-provokazzjoni. Appella biex kummenti bħal dawn ikun aħjar li nevitawhom, m’għandniex ngħiduhom u jekk jiżolqulna niskużaw ruħna.
Id-Deputat Laburista Franco Mercieca kien it-tieni Deputat tal-Gvern li fil-Parlament nhar l-Erbgħa ċanfar Ministru. Aktar kmieni fl-istess s-seduta, id-Deputat Laburista Charles Mangion wieġeb għar-rimarki u l-kritika li għamel il-Ministru Evarist Bartolo li qal li m’għandux fiduċja fiċ-Chairperson preżenti tal-Awtorità ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji (MFSA), Joe Bannister, bid-Deputat Laburista jappella għal aktar prudenza fid-diskors u fil-kritika.
//= $special ?>