Lokali Parlament

Il-ħaddiema u s-settur tas-servizzi finanzjarji se jħallsu għall-attitudni ta’ Muscat

Għall-attitudni tal-Prim Ministru Muscat li qed jibqa’ ċass quddiem l-iskandlu tal-Panama Papers li tefa’ s-servizzi finanzjarji u r-reputazzjoni tajba li kien igawdi taħt sħaba sewda, il-prezz se jħallsuh il-ħaddiema, is-settur tas-servizzi finanzjarji u se jbatu l-opportunitajiet għal pajjiżna fil-ġejjieni.

Dan iddikjaratu fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono, meta tkellmet dwar l-Abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar is-servizzi finanzjarji u li permezz tagħhom pajjiżna jkompli jigi aktar konformi mad-direttivi Ewropej.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Servizzi Finanzjarji, IT u Gaming, fissret li wara l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Gvern espona lil dan is-settur għal riskju kbir lir-reputazzjoni ta’ Malta bil-Gvern irid jieħu passi konkreti qabel ma jkun tard wisq.

Spjegat kif qegħdin nimminaw is-sistema finanzjarja tagħna peress li esponenti tal-Gvern għażlu li jiftħu strutturi finanzjarji sigrieti fil-Panama – pajjiż li għal diversi snin kien fuq il-black list tal-Finanċial Action Task Force dwar il-ħasil tal-flus, u wieħed mill-uniċi pajjiżi fid-dinja li għadu m’għamilx impenn li jikkommetti għal Common Reporting Standards u ma jipprovdix informazzjoni rigward id-dħul taxxabbli b’mod awtomatiku.

Bżonn azzjoni konkreta
Sejħet bħala iprokezija tal-Gvern li filwaqt li niddiskutu liġijiet fejn qegħdin nikkommettu għas-standards internazzjonali, esponenti tal-Gvern qegħdin jużaw s-servizzi finanzjarji ta’ pajjiż li jmorru kontra dawn l-istess standards. Filwaqt li rrikonoxxiet l-appelli u dikjarazzjonijiet ta’ Ministri u esponenti tal-Gvern, inkluż tal-eks-Mexxej Laburista Alfred Sant, fissret li għalkemm il-kliem iqanqal u l-eżempju jkaxkar, f’dan il-kas għandna bżonn azzjoni konkreta.

Ma jistax ikun li minn mindu faqqa’ l-każ tal-Panama Papers f’pajjiżi barranin smajna b’inkjesti, impeachments, iffrizar ta’ assi, investigazzjonijiet mill-pulizija u magisterjali, riżenji ta’ Prim Ministri, u hawn Malta, min hu konċernat ingħata promozzjoni. Fissret dan bħala paradoss li jġiegħlek tiddubita jekk għadekx tgħix f’demokrazija ħajja jew f’demokrazija li wasslet fl-aħħar għafja ta’ ħajjitha.

Mozzjoni fil-Parlament biex tittieħed azzjoni
B’riferenza għall-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern li ressqet l-Oppożizzjoni, il-Parlament se jkollu l-opportunità li mhux biss jitkellem, iżda b’mod konkret jivvota biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa favur pajjiżna, favur ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u favur il-futur tas-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna.

Kristy Debono appellat biex l-azzjonijiet tal-politiċi fil-Parlament ikunu konsonanti mal-inizjattivi tas-settur privat.
Ikkritikat kif il-Gvern ma jridx jieħu azzjoni biex jikkoreġi l-ħsara li saret fuq dan is-settur u fissret l-attitudni tal-Prim Ministru Muscat bħala waħda li tixbah lil tal-Imperatur Neruni meta waqt li Ruma kienet qed taqbad, hu kien sempliċiment spettatur.

Sejħet bħala inġust meta tara eluf ta’ persuni li verament ikkontribwixxew biex dan is-settur ikun ewlieni u fuq quddiem fl-Ewropa, u f’temp ta’ xaharejn il-focus fuq pajjiżna qlibnieh minn fuq għall-aktar livell ‘l isfel.