Lokali Parlament

Il-Ministru Mizzi ma jridx jgħid meta se jibdew jiffunzjonaw il-lifts fid-Daħla tal-Belt

Il-Ministru Joe Mizzi ma riedx jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq il-lifts barra l-bini tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt, u meta se jibdew jiffunzjonaw.

Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Toni Abela staqsa meta se jibdew jiffunzjonaw il-lifts li jagħtu mill-Foss ta’ San Ġakbu għall-bini tal-Parlament u d-Daħla tal-Belt. Il-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista saret lill-Ministrru Joe Mizzi wara li kien għadu kemm qal fil-Parlament li kompla x-xogħol fuq dawn il-lifts wara li kienu solvuti xi problemi mekkaniċi.

Il-Ministru Joe Mizzi rrimarka li mhux se jkun qiegħed jgħid meta se jkunu lesti, u dan minħabba li qal li l-Oppożizzjoni tkun pronta tikkritika jekk tissemma data u x-xogħol ma jilħaqx jitlesta.

Il-Ministru Mizzi kien qiegħed iwieġeb fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, li staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura jispjega xinhi r-raġuni li tliet lifts barra l-bini tal-Parlament il-ġdid għadhom mhumiex funzjonabbli, u dwar min se jkun jista’ juża dawn il-lifts.

Problemi tekniċi fuq xogħlijiet mekkaniċi issa ġew kjarifikati
Il-Ministru Joe Mizzi wieġeb li wara li kien hemm xi problemi tekniċi fuq xogħlijiet mekkaniċi u li issa ġew kjarifikati, ix-xogħol reġa’ tkompla.

Il-lift fuq in-naħa ta’ San Ġakbu ser ikun immexxi mill-Parlament u ser ikun jista’ jintuża kemm mill-Membri Parlamentari kif ukoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali. Kemm il-lift tan- naħa ta’ St. John’s kif ukoll il-lift li jagħti fid- ditch (inclined lift), ser jintużaw mill-pubbliku inġenerali.

Il-bini l-ġdid tal-Parlament ilu li ġie inawgurat kważi sena, fl-4 ta’ Mejju tas-sena l-oħra meta dakinhar saret l-ewwel seduta parlamentari fil-bini l-ġdid disinjat mill-perit ta’ fama mondjali, Renzo Piano.