Lokali Qorti

Il-Partit Laburista jitlef kawża Kostituzzjonali li kien fetaħ biex itawwal il-proċeduri dwar iż-żewġ siġġijiet

Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-Partit Laburista ma kienx ġie mċaħħad mid-dritt fundamentali tal-bniedem dwar is-smigħ xieraq.

Kien f’Ġunju tal-2015 meta l-Partit Laburista fetaħ kawża Kostituzzjonali waqt kawża Kostituzzjonali oħra li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali dwar żbalji li saru waqt l-għadd tal-voti fit-8 u t-13-il distretti elettorali fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.

Kien fi Frar tal-2015 li l-Qorti kienet iddeċidiet favur il-Partit Nazzjonalista iżda l-Partit Laburista kien mar għall-appell. Fl-appell, mogħti f’Mejju tal-2015, il-Qorti ddeċidiet li l-każ kellu jerġa’ jinstema’ mill-ġdid. Kien b’rabta ma’ din id-deċiżjoni li l-Partit Laburista fetaħ kawża Kostituzzjonali f’Ġunju tal-2015, fejn qal li l-Qorti Kostituzzjonali, bid-deċiżjoni tagħha fl-Appell , kienet kisret id-drittijiet fundamentali tal-Partit Laburista għal smigħ xieraq skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Partit Laburista kien talab ukoll lill-Qorti biex tieqaf milli tisma’ l-każ li ressaq il-Partit Nazzjonalista sabiex l-ewwel ikun jista’ tinstema’ l-kawża li fetaħ il-Partit Laburista, li skont il-Partit Nazzjonalista, infetaħ f’tentattiv legali biex il-Partit Laburista jkompli jtawwal iż-żmien.

F’din il-kawża Kostituzzjonali, li fetaħ il-Partit Laburista, u fejn ilmenta li kien hemm ksur tad-dritt tas-smigħ xieraq, il-Partit Nazzjonalista qal li ma kien hemm l-ebda ksur, u li l-Partit Laburista għażel din il-kawża bi strateġija u bi skop ċar li jtawwal il-proċeduri quddiem l-ogħla Qorti f’Malta.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ċaħdet kull talba tal-Partit Laburista u ordnat li l-Partit Laburista jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.

Għall-Partit Nazzjonalista deher l-Avukat Paul Borg Olivier, filwaqt li l-Partit Laburista hu rappreżentat mill-Avukati Toni Abela u Lydia Abela.