BLOGS

Irrelevanti

L-atmosfera politika li hija maħkuma minn instabbiltà straordinarja li nsatret fuq pajjiżna mingħajr ħtieġa, qiegħda tkompli tikkonferma l-irrelevanza tal-qagħda politika preżenti għax quddiem il-korruzzjoni, il-politika titlef il-validità tagħha kollha u l-Gvern jitlef kull kredibilità kollha.

Kien irrelevanti, għalhekk id-diskors ta’ Konrad Mizzi quddiem id-delegati Laburisti li fih elenka l-kisbiet tal-Gvern li bosta minnhom għadhom biss diskors fl-ajru. Il-poplu llum irid it-tweġibiet, irid il-pubblikazzjoni tal-kuntratti aktar minn qatt qabel, speċjalment meta l-akbar kuntratti tal-Gvern għaddew kollha minn taħt idejn jew il-Prim Ministru nnifsu jew il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, li flimkien ma’ Keith Schembri, huwa involuti direttament fil-każ Panama Papers li ddomina d-dinja u ħasad anke l-pożizzjoni tal-Prim Ministru tal-Iżlanda.

Huwa irrelevanti li nitkellmu fuq l-ekonomija meta llum ninsabu f’sitwazzjoni fejn id-dinja kollha qed tikkonferma li għandha Prim Ministru maqbud f’qafas ta’ korruzzjoni. Huwa irrelevanti kull diskors tal-Prim Ministru kontra l-korruzzjoni, favur l-akkontabbiltà meta d-dinja qed issegwi kull pass u bil-mod il-mod qed tgħaqqad kull pass li sar sa mill-ewwel ħamest ijiem tal-leġiżlatura biex illum għandna sitwazzjoni li fiha Konrad Mizzi huwa l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li ismu deher fil-lista llikjata tal-Panama Papers! X’mistħija!

Sfortunatament, il-Gvern donnu mhux qiegħed jieħu l-messaġġ! L-argument nazzjonali li qed iġib il-Partit Nazzjonalista mhumiex wieħed politiku, imma jisħaq fuq l-importanza li Malta ma tkomplix taqa’ fil-ħama tal-korruzzjoni u titħammġilha r-reputazzjoni bħalma diġà tniġġset fi tliet snin taħt Gvern Laburista li ma jafx fejn tibda s-serjetà politika u fejn tieqaf l-inkompetenza politika.

L-argument huwa wieħed: Konrad Mizzi, fil-kariga ministerjali tiegħu ma jistax ikun suġġett għal kont sigriet in-naħa l-oħra tad-dinja. Dan minnu nnifsu huwa moralment korrott, irrispettivament kemm jistgħu jkunu tajbin l-intenzjonijiet wara l-kont. Il-poplu Malti mhux ser jaqa’ għall-argument tal-Prim Ministru li Mizzi ma għandu xejn x’jaħbi, meta dan kollu ħareġ fil-beraħ wara li ammetta għall-akkużi hekk kif ġew żvelati fil-midja lokali.

Min ma għandu xejn x’jaħbi, ma jkollux kontijiet sigrieti!

Il-poplu Malti jinsab ixxukkjat bl-attitudni tal-Gvern, u nammetti li ninsab diżappuntat bl-atteġġjament tal-Ministru nnifisu li jwiegħed li ser ikun fil-front line tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Konrad Mizzi mhuwiex jifhem il-gravità tal-każ, u dan huwa inkwetanti għall-aħħar.

Il-poplu Malti li l-Ħadd li għadda ħareġ jiddomstra kontra l-korruzzjoni tal-Gvern ma jridx li jerġa’ jkollu Ministru mċappas mal-akbar skandlu politiku li qatt ra pajjiżna u dan allura jfisser li ma jridux ikun aktar parti mill-attwalità Politika Maltija. Il-poplu Malti jridu jwarrab darba għal dejjem, hu u l-Prim Ministru li flimkien orkestraw din is-sinfonija korrotta li qiegħda toqtol il-fiduċja fil-politika Maltija.

Ejja ma nkunux dgħajfa u naċċettaw l-argumenti illoġiċi tal-Gvern, għax kull argument hawnhekk huwa irrelevanti! L-argumenti tal-Gvern li l-Oppożizzjoni qiegħda tinstiga l-firda minħabba l-attakk ġustifikat tagħha kontra l-korruzzjoni ma għandux bażi. L-Oppożizzjoni anzi, trid l-għaqda nazzjonali, u dan deher fid-dimostrazzjoni nazzjonali.

L-Oppożizzjoni ma hix qed tippromwovi l-instabbilità imma huwa l-Gvern fit-tentattiv iddisprat tiegħu biex jibqa’ jisfida lill-poplu li qam kontrieh li qiegħed joħloq l-instabbilità għax illum għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern jinsab mehdi jiddefendi lilu nnifsu għal dak li huwa indifensibbli.

Ma jistax ikun li jkollna Gvern li qed juża l-enerġija kollha tiegħu jiddefendi lilu nnifsu minflok ma jkun qiegħed jiffoka fuq kif lil Malta jista’ verament jagħmilha l-aqwa fl-Ewropa.

Sfortunatament Malta kisbet il-fama, fama ta’ pajjiż korrott li jinnegozja mal-aktar pajjiżi u kumpaniji korrotti fid-dinja, għax din kienet ir-‘road map’ tal-Gvern Laburista. ‘Shame on Who’ Konrad Mizzi?

Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 13 ta’ April 2016.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.