Minkejja l-ilmenti tal-pubbliku ġenerali b’rabta mal-mod kif qed jopera t-trasport pubbliku, l-ebda progress ma seħħ.
Qalet dan l-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur li fi stqarrija fissret dan bħala inaċċettabbli u wriet id-diżappunt tagħha għall-fatt li dawn l-ilmenti qed jaqgħu fuq widnejn torox.
“Jidher li la l-Ministru Joe Mizzi u lanqas l-Awtorita’ Maltija tat-Trasport ma ħadu biżżejjed miżuri, jekk ħadet, biex is-sistema’ titjieb,” qalet l-Assoċjazzjoni, li fost l-oħrajn semmiet bħala eżempju l-problemi li qed jaffaċċjaw l-anzjani li jkollhom bżonn imorru l-isptar, l-istudenti li jridu jmorru l-iskola kif ukoll il-ġaddiema li jaslu tard għad-destinazzjoni tagħhom.
Kritika wkoll minn naħa tal-Assoċjazzjoni għax-xogħol li se jibda fil-Kappara, li skont l-Assoċjazzjoni għandu jiġi pospost għal Ġunju għax se jwassal għal inkonvenjent għall-istudenti li jkunu għaddejjin bl-O u A Levels, li anke bħalissa qed isibuha diffiċli biex jaslu fil-ħin.
L-appell tal- Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur hu biex jiżdiedu r-rotot u l-karozzi tal-linja, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ bendy buses li jgħaddu minn toroq arterjali u ż-żieda tal-bus shelters, speċjalment fejn hemm bus stops f’toroq fejn lanqas biss hemm bankina.
L-istess Assoċjazzjoni tgħid li xufiera ġodda għandhom jingħataw taħriġ anke fir-relazzjoni tagħhom mal-konsumatur, b’mod speċjali l-komunikazzjoni bl-Ingliż, kif ukoll l-għarfien tar-rotot, waqt li għandha ssir sorveljanza għall-aġir tagħhom fuq il-post tax-xogħol, biex tittieħed azzjoni jekk fost l-oħrajn jitkellmu ħażin, idoqqu radju b’volum għoli, jużaw mobile phones waqt is-sewqan jew jaġixxu b’mod skorrett fil-konfront tal-passiġġieri.
//= $special ?>