Lokali

L-istazzjon nazzjonali mhux jagħti prijorita’ lill-iskandlu Panama Papers

Ix-xandir tal-istat għal darb’oħra qed jonqos lill-poplu milli jagħti l-istampa u l-fatti ċari u kif suppost dwar dak li għaddej f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-Panama Papers.

Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem tiegħu għad-drittijiet taċ-ċittadin Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-bini tal-PBS dalgħodu u li kienet indirizzata wkoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonlista Caroline Galea.

Clyde Puli qal li fl-aħbarijiet tiegħu l-PBS qed jonqos milli jagħti prijorita’ lill-iskandlu tal-Panama Papers. Skandlu li fil-bqija tal-media lokali qed ikun irrapurtat bi prominenza. Saħansitra anke fil-media internazzjonali isem Malta qed jissemma’ f’dan l-iskandlu li fih hemm involuti l-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Clyde Puli kompla jisħaq kif f’dan ix-xenarju politiku anke l-awtorita’ tax-xandir għandha tiġbed l-attenzjoni lill-kap tat-taqsima tal-aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja u mhux tistenna li tressaq ilment l-oppożizzjoni nazzjonalista.

Minn naħa tagħha l-kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista Caroline Galea qalet li b’dak li qed ikun irrapurtat fl-aħbarijiet tal-PBS, qed isir b’nuqqas ta’ rispett u dritt għall-informazzjoni lejn il-poplu Malti u Għawdxi li mit-taxxi tiegħu iħallas l-istazzjon nazzjonali.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli flimkien mal-kandidata Caroline Galea qalu li dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ xieraq dwar l-iskandlu Panama Papers, fl-aħbarijiet tal-PBS, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta ittra lill-kap tat-taqsima tal-aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja