Hekk kif fil-bidu tal-ġimgħa tħabbar li pittura li nstabet f’kamra abbandunata ta’ dar f’Toulouse hi pittura ta’ Caravaggio, inqalgħet polemika bejn l-esperti li qed jikkonfermaw dan u oħrajn li qed jgħidu li din hi biss kopja.
Il-pittura ilha għal dawn l-aħħar sentejn tkun studjata u analizzata, u issa l-espert tal-arti Eric Turquin qal li din hi pittura magħrufa bħala ‘Judith Beheading Holofernes’, jew ‘Giuditta e Oloferne’, tal-1599 u l-valur tagħha hu ta’ madwar 120 miljun ewro.
Il-Gvern Franċiż issa ddikjara l-pittura bħala teżor nazzjonali u li taħt ebda ċirkostanza ma tista’ tinħareġ mill-pajjiż.
Madwar din il-pittura kien hemm misteru kbir minħabba li ma kienx magħruf x’kien sar minnha; imma issa xi esperti qed isostnu li din mhix ta’ Caravaggio imma ta’ wieħed mill-istudenti tiegħu, u xi wħud anki qed isostnu li din hi kopja.
Pittura simili tinsab għall-wiri fil-Galleria d’Arte Antica, f’Palazzo Barberini, Ruma, u wkoll dwar din kien hemm polemika. Din instabet fl-1950.
Turquin ammetta li qatt ma se jkun hemm kunsens dwar din il-pittura li nstabet f’kamra ta’ dar wara li l-koppja li toqgħod fiha ippruvat tara mnejn kien dieħel l-ilma tax-xita.
Fost dawk li huma xettiċi hemm Mina Gregori, espetra ewlenija Taljana dwar Caravaggio, li miet fl-1610. Din qed tinsisti li dik li nstabet fi Franza mhix pittura orġinali ta’ Caravaggio minkejja li l-istil hu ta’ dan il-pittur Taljan.
Polemika dwar pittura ‘ġdida’ ta’ Caravaggio
