Internazzjonali

Rejd tal-Pulizija fl-uffiċċju fil-Panama tal-Mossack Fonseca

epa05242948 Photo shows the building where the office of Panamanian law firm Mossack Fonseca is located in Panama City, Panama, 03 April 2016. 11 million documents from Mossack Fonseca database were leaked allegedly exposing high profile tax evasion and money laundering among the world's elite. EPA/Alejandro Bolivar

Il-Pulizija f’Panama wettqu rejd fil-kwartier-ġenerali tal-kumpanija legali Mossack Fonseca, li tinsab f’nofs l-iskandlu tal-Panama Papers. Dan hekk kif l-investigaturi qed ilestu biex jiltaqgħu f’Pariġi biex jikkoordinaw il-ħidma kontra l-evażjoni tat-taxxa b’rabta ma’ dak li qed jinkixef fil-Panama Papers, dokumenti li jkopru għexieren ta’ snin tal-kumpanija Mossack Fonseca.

Skont l-Avukat Ġenerali tal-Panama, ir-rejd sar bħala parti minn investigazzjoni f’attività illegali mill-Mossack Fonseca u r-rejd tmexxa minn Javier Caravallo, prosekutur speċjalizzat fl-investigazzjonijiet dwar il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus.

Il- Mossack Fonseca qed tinsisti li m’għamlet xejn ħażin u kull ma kienet tagħmel kien li toħloq kont finanzjarju offshore u kumpaniji anonimi, dawk magħrufa bħala ‘anonymous shell companies’, għall-klijenti, u ma kinitx imdaħħla f’kif dawk il-kontijiet kienu jintużaw.

Il-Mossack Fonseca hi r-raba’ l-akbar kumpanija legali speċjalizzata fil-liġi offshore fid-dinja.

Il-Ħamis, f’Pariġi, Franza se jiltaqgħu l-uffiċjali mill-awtorità tat-taxxa ta’ pajjiżi ewlenin biex jiddiskutu l-Panama Papers u jippruvaw ifasslu strateġija globali kontra dawk li jużaw kontijiet sigrieti biex jevadu t-taxxa. Il-ħidma qed tkun immexxija mill-Joint International Tax Shelter Information and Collaboration (Jitsic) Network.