Lokali Parlament

It-tħassib tal-ħaddiema fl-ST u l-Actavis imqajjem fil-Parlament

L-Oppożizzjoni fil-Parlament talbet lill-Gvern jagħti l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ tħassib ta’ diversi ħaddiema fil-kumpaniji Actavis u fl-ST li huma nkwetati b’diffikultajiet u tibdil li qed isir fis-sistemi ta’ xogħol li ħafna drabi jsir kawża ta’ nuqqas ta’ xogħol.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Nazzjonalista David Agius, staqsa lis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera, jispjega dwar dawn id-diffikultajiet biex ikun hemm serħan il-moħħ għall-ħaddiema, u biex jinqatgħu wkoll ħafna għajdut f’dawn l-azjendi privati b’numru konsiderevoli ta’ impjiegi.

Is-Segretarju Parlamentari wieġeb li hu infurmat li hemm kwistjonijiet pendenti bejn il-union u l-kumpaniji, u li filwaqt li kien hemm kwistjonijiet li ġew indirizzati, hemm oħrajn li għadhom pendenti.

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea wkoll esprima t-tħassib tal-ħaddiema tal-kumpanija De La Rue u qal li l-ħaddiema qed jilmentaw fuq gruppi ta’ ħaddiema barranin li jieħdu xogħol ta’ gruppi ta’ ħaddiema Maltin fid-De la Rue.

Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qal li filwaqt li jara sitwazzjoni stramba kif grupp ta’ ħaddiema tneħħew u minflokom jiddaħħlu Maltin, wiegħed li se jivverifika dwar dan l-ilment. Qal ukoll li se jiġbor l-informazzjoni fuq tilwim industrijali fil-kumapaniji l-oħrajn imsemmija u se jagħmel l-indaġini u jagħti spjegazzjoni lill-Kamra.