Lokali Qorti

Aġġornata: Ignatius Farrugia maħruġ mill-Ħabs wara ftit ħin minħabba “żball fis-sentenza”

Is-Sindku Laburista taż-Żurrieq Ignatius Farrugia nħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara biss ftit ħin minħabba “żball fis-sentenza” tal-Qorti. Dan l-aġġornament wasal minn sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt.

L-Imħallef Giovanni Grixti qal li minħabba l-iżball fis-sentenza, ħareġ Digriet biex jissospendi s-sentenza. Hu mifhum li minħabba li s-sentenza laħqet inqrat fil-Qorti, issa jkun hemm bżonn appell biex din terġa’ tinbidel.

Sadanittant, l-Imħallef Grixti kiteb lill-President biex tinħafer is-sentenza ta’ priġunerija. Is-sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li dan hu każ uniku, li bħalu qatt ma seħħ fl-istorja tal-Ġustizzja f’pajjiżna.

L-aħħar żviluppi seħħew wara li, aktar kmieni, Farrugia ngħata sentenza effettiva ta’ erbat ijiem priġunerija dwar każ li seħħ ftit jiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-każ seħħ fid-19 ta’ Marzu 2013 meta Ignatius Farrugia kien ma’ xi membri tal-familja għall-Festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Hemm, hu ta fastidju lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li wkoll kienet qed iżżur il-Festa.

Dakinhar, is-Sindku Laburista mar jipprovoka lil Caruana Galizia u persuna oħra li kienet magħha u filwaqt li beda jiżfen u jxejrilha, beda jgħajjat “Daphne Daphne, Malta tagħna lkoll”. Hu kompla jsegwi lill-blogger, minkejja li hi baqgħet tinjorah u saħansitra beda jieħdilha r-ritratti f’wiċċha.

Kif rat li ħa jibqa’ jsegwieha, Caruana Galizia kellha tidħol f’Kunvent tal-Patrijiet għall-kenn. F’dan l-istadju, is-Sindku Laburista, akkumpanjat minn numru ta’ persuni oħra, bdew jgħajjtu “Oħorġuha minn hemm għax issa aħnar għandna l-power”.

Kien f’dan l-istadju, li Daphne Caruana Galizia għamlet ir-rapport formali mal-Pulizija, li wassal biex il-każ spiċċa l-Qorti. Fl-appell, li nqata’ llum mill-Imħallef Giovanni Grixti, il-Qorti biddlet id-deċiżjoni b’tali mod li sabitu ħati ta’ wħud mill-akkużi. Kawża ta’ dan, biddlet is-sentenza għal waħda ta’ erbat ijiem priġunerija effettiva għal Farrugia.

Fl-ewwel sentenza, il-Qorti kienet ordnat lis-Sindku Laburista flimkien ma’ żewġ qraba tiegħu biex iħallsu €2,400. Huma ġew ordnati wkoll ma jikkomunikawx ma’ Daphne Caruana Galizia għal sena.