Internazzjonali

Corbyn favur l-isħubija fl-UE

Il-mexxej tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni fir-Renju Unit, Jeremy Corbyn, għamel l-ewwel diskors konness mar-referendum dwar l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.
Diskors fejn qal li l-partit tiegħu ‘jappoġġja bis-sħiħ’ li l-pajjiż ikompli bħala membru fl-UE.
Dan jitqies bħala ‘l-ewwel intervent notevoli’ ta’ Corbyn fid-dibattitu u l-Kap Laburista Britanniku qal li filwaqt li jispikkaw ‘nuqqasijiet’ fl-UE, hu se jaħdem favur kampanja bit-tema Remain and Reform in Europe, qabel ir-referendum deċiżiv tat-23 ta’ Ġunju.
L-aħħar riċerka indikat li madwar 50 fil-mija tal-votanti Laburisti qalu li ‘ma kenux jafu l-pożizzjoni ta’ Corbyn fil-kwistjoni ta’ jekk ir-Renju Unit ikomplix fl-UE jew le’.
Corbyn, issa, qed jgħid li l-Unjoni Ewropea serviet bħala xprun għall-investiment, l-impjiegi u protezzjoni għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent. Hu kompla li l-istatus quo għal pajjiżu joffri l-aħjar opportunità lill-Britanniċi biex jilqgħu l-isfidi tal-futur, meta l-partit tiegħu ‘qed jinsisti b’raġunijiet sodi biex ir-Renju Unit jibqa’ membru attiv tal-Unjoni u daqstant ieħor għal riforma u bidliet progressivi fl-Ewropa.’