Ewropa

Filmat: Ligi ġdida li se tipproteġi informazzjoni b’valur kummerċjali – Therese Comodini Cachia

Ligi ġdida li se tipproteġi informazzjoni b’valur kummerċjali u tħares l-interessi tar-riċerkaturi, intrapriżi żgħar u medji lokali, l-ħaddiema u l-midja – Therese Comodini Cachia

“Għal kull kumpanija, b’mod speċjali start-ups u intrapriżi żgħar u medji, l-għarfien u l-esperjenza prattika huma importanti ħafna. Il-protezzjoni ta’ dawn is-sigrieti kummerċjali u l-possibilità li jieħu azzjoni meta tinxtered informazzjoni sensittiva ilhom, se tkun qed toffri protezzjoni meħtieġa lill-kumpaniji”.

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia enfasizzat fermament, il-ħtieġa li jiġu mħarsa l-interessi tal-ġurnalisti investigattivi, is-sorsi tagħhom u l-whistleblowers. Dan sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-protezzjoni meħtieġa biex dawk li jkollhom sigrieti kummerċjali, ma jkunu jistgħu jitolbu kumpens jekk din l-informazzjoni tiġi mxandra u tixkef illegalità fin-negozju, fl-interess pubbliku jew fl-interess leġittimu rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea jew liġi nazzjonali.

Therese Comodini Cachia għamlet dawn ir-rimarki waqt is-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu waqt diskussjoni ta’ direttiva ġdida tal-Unjoni Ewropea li tfassal regoli komuni għall-protezzjoni tan-negozju, sigrieti kummerċjali u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Ir-rapport ġie approvat b’503 voti favur, 131 vot kontra u 18-il astensjoni. Hija qalet li “l-ħarsien u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti hija meħtieġa biex tinkixef informazzjoni biex tiġi mħarsa l-governanza tajba fl-interess pubbliku. Eżempju huwa l-aħħar każ ta’ ġurnaliżmu investigattiv li minnu ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers”.

Innovaturi, speċjalment imprendituri żgħażagħ f’oqsma bħall-mediċini jew l-informatika, se jkunu mħarsa iżjed b’tali mod li l-ideat u l-innvoazzjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kkupjati jew misruqa mill-kompetituri tagħhom. Din hija l-bażi tal-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali.

Therese Comodini Cachia qalet li l-liġi l-ġdida se tkun qed tħalli wkoll impatt kbir fuq l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. “Liġijiet bħal dawn isaħħu lill-kumpaniji lokali biex ikomplu jinvestu b’kunfidenza fir-riċerka u l-innovazzjoni. Comodini Cachia rringrazzjat lil Malta Business Bureau u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta billi ffaċilitaw id-diskussjonijiet dwar dan il-qasam. Hija rringrazzjat ukoll lin-negozji Maltin u Għawdxin, l-industrija u l-intrapriżi żgħar u medji għall-impenn tagħhom waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni.