Lokali

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan jagħti ġieħ lil żagħżugħa Maltija

Hillary Briffa hi fost 10 persuni minn madwar id-dinja li se jiġu mogħtija unur mill-Gvern Amerikan.

Kienet l-Ambaxxata Amerikana f’Malta li ħabbret li Briffa, li bħalissa qed tistudja għal Ph.D. f’Londra, fil-jiem li ġejjin se tirċievi l-Emerging Young Leaders Award mogħti għall-ewwel darba mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

Spjegat li Briffa kellha rwol ċentrali biex jogħla l-profil taż-żgħażagħ fil-qasam internazzjonali, b’xogħol li ffoka fuq temi b’impatt fuq iż-żgħażagħ fosthom l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, iż-żieda fl-opportunitajiet għax-xogħol u l-ġlieda kontra l-messaġġi ta’ mibegħda onlajn.

Hija għenet fit-tmexxija ta’ kampanja kontra l-estremiżmu vjolenti waqt konferenza fuq id-drittijiet tal-bniedem li organizzat l-OSCE fl-Ewropa. Briffa rċeviet fondi u żviluppat programm li jissejjaħ Peacebuilding in Eastern Europe. Hija fasslet u implimentat proġetti edukattivi u organizzat korsijiet fuq id-djalogu u ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

Briffa bħalissa qiegħda tistudja għall-Ph.D. f’Londra.

L-Ambaxxatriċi G. Kathleen Hill ferħet lil Briffa u tenniet il-kliem tal-President Obama, “Jien dejjem nħossni spirata miż-żgħażagħ.” Hill qalet li “Aħna nfittxu opportunitajiet biex nappoġġjaw programmi edukattivi u ta’ skambju għaż-żgħażagħ.”