Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ma laqgħetx l-appell tal-ex Kummissarju Ewropew John Dalli dwar ir-riżenja tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea. Hu kien talab lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tannulla d-deċiżjoni dwar l-allegata ‘tkeċċija sfurzata’ tiegħu.
L-ex Kummissarju Ewropew John Dalli kien ressaq appell kontra l-President tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien Josè Manuel Barroso. Il-każ imur lura għal Ottubru 2012 meta kienet saret laqgħa bejn Barroso u Dalli, li kien il-Kummsissarju Ewropew responsabbli mis-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet irċeviet rapport mill-OLAF li kien ikkonkluda li John Dalli kien ipparteċipa f’diversi laqgħat mhux uffiċjali u kunfidenzjali ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk mingħajr l-involviment u l-konoxxenza tas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, sostniet il-Qorti.
Skont l-OLAF, ir-reputazzjoni tal-Kummissjoni kienet imtappna u l-imġieba ta’ John Dalli tammonta għal ksur tad-dmirijiet tiegħu fl-obbligu taż-żamma tad-dinjità tal-Uffiċċju. John Dalli sostna li fil-laqgħat li klelhom bejniethom, Barroso itterminalu l-impjieg bħala Kummissarju u talab ir-riżenja tiegħu billi bbaża fuq it-Trattat tal-UE li jispeċifikaw li membru tal-Kummissjoni għandu jirriżenja jekk ikun hemm talba mill-Presdient.
Il-Kummissjoni Ewropea ma qablitx ma’ dawn l-allegazzjonijiet ta’ John Dalli u sostniet li John Dalli kien irriżenja volontarjament. F’deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ġenerali ma laqgħet il-każ ta’ John Dalli, sostniet li Dalli kien irriżenja minn jeddu u qalet li ma kinx hemm talba formali għar-riżenja tiegħu mill-President Barroso.
John Dalli ressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fejn talab lill-Qorti biex tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonkludiet li ma saret l-ebda talba formali għar-riżenja ta’ John Dalli mill-President tal-Kummissjoni. Għalhekk il-Qorti Erwopea tal-Ġustizzja ma laqgħetx l-appell ta’ John Dalli
.