Internazzjonali

L-ISIS taħt pressjoni kbira

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, għamel żjara rari fil-kwartieri-ġenerali tas-CIA u sostna li sar progress fil-gwerra kontra t-terroristi tal-ISIS li, illum, ‘spiċċaw fuq id-difiża’ anki jekk din tibqa’ ġlieda diffiċli u kkumplikata.
Iż-żjara saret meta l-amministrazzjoni Amerikana qed iżżid l-attakki mill-ajru fuq l-ISIS f’zona tul il-fruntiera lejn it-Tramuntana tas-Sirja.
Il-President Amerikan sostna li ‘l-aħħar xhur kienu ħżiena’ għall-ISIS waqt li pprovda rakkont dettaljat dwar l-inħawi fejn qawwiet appoġġjati mill-Amerikani ħatfu lura territorju minn idejn it-terroristi.
Obama anki għamilha ċara li l-Istati Uniti se żżomm lill-ISIS taħt pressjoni u sostna ‘li t-terroristi jifhmu li kull ġurnata li tgħaddi tista’ tkun l-aħħar waħda tagħhom f’din id-dinja’. Għalkemm hu ma ddettaljax inizjattivi biex l-Istati Uniti żżid il-pressjoni fuq l-ISIS, uffiċjali Amerikani indikaw li hemm numru ta’ miżuri intiżi biex it-terroristi ‘jispiċċaw tassew b’darhom mal-ħajt’.
Fl-istess ħin, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Ash Carter, qal li l-Pentagon qed ifittex il-mezzi li jixprunaw appoġġ militari għall-kampanja kontra l-ISIS. X’aktarx li l-impenn jinkludi żieda fl-ammont ta’ qawwiet Amerikani u l-użu potenzjali ta’ attack-helicopters tat-tip Apache għal missjonijiet kontra t-terroristi fl-Iraq.