Il-Parlament Ewropew approva sistema komuni li tippermetti biex uffiċjali tas-sigurta tal-pajjiżi rispettivi jingħataw aċċess għad-data tal-linji tal-ajru rigward il-passiġġieri li jaqbdu titjiriet lejn u mill-pajjiżi tal-UE, dik magħrufa bħala Passenger Name Records (PNR).
Il-miżura għaddiet b’461 vot favur u 179 kontra. Uffiċjali għal kontra t-terroriżmu ilhom is-snin jinsistu għall-introduzzjoni tas-sistema tal- PNR. Dan fuq bażi li ċ-ċirkolazzjoni u skambju ta’ data u informazzjoni jgħinu lill-awtoritajiet biex jindikaw persuni u movimenti suspettużi.
Il-pajjiżin tal-Unjoni Ewropea, intant, se jkollhom sentejn żmien biex jibdlu din is-sistema komuni għall-ħarsien tas-sigurtà f’liġi nazzjonali.
Filwaqt li l-linji tal-ajru diġà qegħdin jieħdu ħsieb li jiġbru d-data inkwistjoni, il-leġislazzjoni ġdida tfassal regoli dettaljati għall-awtoritajiet nazzjonali biex jidħlu u jevalwaw l-informazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn ikunu qed jindirizzaw ir-reati serji.
L-aħħar attakki terroristiċi tal-ISIS fi Franza (is-sena l-oħra) u fi Brussell, ftit tal-ġimgħat ilu, stimolaw l-appoġġ għal din is-sistema ta’ data monitoring fl-UE.
Lejn tisħiħ ta’ sigurtà fl-ivjaġġar bl-ajru fl-UE
