Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid esprima diżappunt għall-waqfien mill-proġett tal-Pjazza tal-lokalità.
Fi stqarrija, il-Kumitat Sezzjonali nnota li hekk kif bdew ix-xogħolijiet, fejn tneħħew is-siġar u twaqqa’ ċ-ċint minn nofs il-Pjazza, kollox waqaf ħesrem u l-proġett spiċċa fi stat ta’ abbandun. Kawża ta’ dan, il-Pjazza spiċċa mimlija bi xbieki tal-ħadid jagħlqu l-biċċa mħarbta.
Il-Kumitat Sezzjonali ddikajra li hu fl-interess tal-Pawlisti kollha li l-proġett jitlesta mill-aktar fis, kif ippjanat, aktar u aktar meta qed toqrob il-Festa tal-lokalità. Fl-istqarrija, il-Kumitat staqsa x’wassal biex il-proġett twaqqaf wara l-propaganda politika li saret viċin l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-Kumitat Sezzjonali qal li l-Pjazza hi għal qalb il-Pawlisti kollha u ma jistħoqqilhiex tibqa’ f’dan l-istat ta’ abbandun. Kien għalhekk li l-Kumitat Sezzjonali qed jappella lill-Gvern biex ikompli u jlesti l-proġett mill-aktar fis, kif imwiegħed.
(Ritratt mill-Arkivji: Il-Pjazza kif kienet qabel)
//= $special ?>

