Lokali

PANAMA PAPERS: Sitt sigħat ta’ laqgħat f’nofs l-iskandlu tal-Panama | Muscat: “M’għandi xejn xi nżid”

Muscat jagħti struzzjonijiet lill-membri tal-Gvern biex ma jitkellmux dwar Konrad Mizzi

F’turija ta’ dik li tista’ tissejjaħ bħala kriżi għall-Gvern Laburista, illum Muscat kellu b’aktar minn sitt sigħat ta’ laqgħa mal-Kabinet u l-Grupp Parlamentari Laburista.

Il-ġurnata twila f’Kastilja bdiet sa’ minn kmieni filgħodu, l-għada li ġew żvelati dettalji ġodda dwar l-iskandlu tal-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama. Fost dawn id-dettalji ġodda hemm li Konrad Mizzi pprova jiftaħ kont bankarju f’minn tal-anqas 7 banek differenti. Sar magħruf ukoll li ingħatat l-awtorizazzjoni biex jinfetaħ kont f’bank fil-Panama.

Iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kellu l-ebda kumment x’jgħaddi dwar dawn l-iżviluppi, l-għada li ġew żvelati. Hu u dieħel Kastilja għall-maratona ta’ laqgħat, lill-ġurnalisti Muscat qalilhom li m’għandu xejn xi jżid. Dan filwaqt li rrepeta li se jieħu d-deċiżjonijiet meta jkun hemm bżonn, xi ħaġa li ilu jgħid għal din l-aħħar ġimgħa fl-istess waqt li ma jħabbar l-ebda deċiżjoni dwar Konrad Mizzi.

Għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu bdiet il-laqgħa tal-Kabinet. F’kummenti lil NETnews.com.mt, hu u dieħel Kastilja, il-Ministru Evarist Bartolo kien mistoqsi kif se jiftaħ għajnejn il-Prim Ministru wara kummenti li għadda fuq Facebook. Għal din il-mistoqsija, Evarist Bartolo wieġeb li fl-aħħar jiem diġa għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara fl-aħħar jiem. Dan b’referenza għall-kummenti li għadda Evarist Bartolo meta qal li kieku hu kien jaċċetta l-parir tal-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, li qal li Konrad Mizzi għandu jirriżenja.

Il-laqgħa tal-Kabinet kienet segwita minn laqgħa tal-Grupp Parlamentari u b’kollox il-laqgħat baqgħu għaddejjin sa’ wara t-tlieta ta’ waranofsinhar, meta minn Kastilja bdew jidhru ħerġin numru ta’ membri tal-Gvern.

“Għandi fiduċja fil-Gvern” wieġeb is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera meta kien mistoqsi ċar u tond jekk għandux fiduċja f’Konrad Mizzi. Bl-istess mod, il-Ministru Michael Farrugia wieġeb li għandu fiduċja fil-Gvern meta ripetutament kien mistoqsi jekk għandux fiduċja f’Konrad Mizzi b’mod individwali. “Jien kunent bil-Gvern Laburista” sostna Michael Farrugia meta kien mistoqsi jekk huwiex kuntent b’Konrad Mizzi.

Fi tmiem il-laqgħa, Evarist Bartolo staqsa lill-ġurnalisti: “għalfejn qed tistaqsuni affarijiet li għalihom diġa tajt tweġiba?” meta kien mistoqsi jekk Konrad Mizzi hux qed jagħmel il-ġid għal pajjiżna meta jibqa’ fil-kariga ta’ Ministru minkejja l-iskandlu tal-Panama.

Il-Ministru Carmelo Abela min-naħa tiegħu qal li ma kellux kummenti x’iżid, meta mistoqsi jekk il-pożizzjoni ta’ Konrad Mizzi għadiex tenibbli, filwaqt li l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia qal li “l-Grupp Parlamentari tkellem b’mod miftuħ u issa l-kwistjoni qegħda f’idejn il-Prim Ministru” f’indikazzjoni li l-Grupp Parlamentari Laburista waddab il-ballun f’saqajn il-Prim Ministru.

Il-ġimgħa li għaddiet, kien il-Ministru Konrad Mizzi stess li waddab il-ballun f’saqajn il-Prim Ministru u qal li hu lest li jaċċetta kull deċiżjoni li jieħu l-Prim Ministru. Konrad Mizzi kien għadda dawn il-kummenti waqt il-Konferenza Ġenerali Laburista. Minn dak inhar ‘l hawn Joseph Muscat ma ħabbar l-ebda deċiżjoni dwar Konrad Mizzi f’pressjoni dejjem tikber biex il-Ministru jitneħħa.