Filwaqt li l-pajjiż, bir-raġun, qed jiffoka l-attenzjoni fuq l-iskandlu tal-Panama, tajjeb li ma ninsewx li fl-istess ħin hemm aktar skandli li għadhom għaddejjin. Minbarra dawk involuti, bis-saħħa tal-‘Panama Papers’ hemm oħrajn li indirettament qed ‘igawdu’ għax b’hekk l-attenzjoni m’għadhiex fuqhom.
Joe Mizzi u t-trasport pubbliku
It-trasport pubbliku kien u għadu mifni f’diżorganizzazzjoni u s-servizz għadu mhux tajjeb. Kien hemm ħafna kritika, u l-Ministru qal li t-trasport pubbliku miexi tajjeb – jidher li hu biss jaħseb hekk għaliex il-poplu mhux qed jinqeda. Wieħed jippretendi servizz ferm aħjar meta jqis iż-żieda fis-sussidju li qed tingħata lill-operatur preżenti, iżda dan ma seħħx. Biss din il-kwistjoni issa qiegħda fid-dell tal-iskandlu tal-Panama.
Ian Borg u l-MEPA
Kulħadd jiftakar il-kwistjoni tal-proprjetà tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg li ngħata l-permessi mill-MEPA f’dak li l-Ombudsman iddeskriva bħala metodi ta’ ingann minn Borg u l-MEPA biex inħareġ dan il-permess. Sadattant, waqt li kulħadd qed jiffoka fuq il-każ tal-Panama, Ian Borg għadu għaddej bil-bini tal-proprjetà u naħseb qed jittama li jlesti waqt li kulħadd moħħu fil-każ tal-‘Panama Papers’.
Owen Bonnici u l-Kostituzzjoni
L-istess f’dan il-każ li fih il-Ministru Owen Bonnici qed imur kontra l-Kostituzzjoni fil-ħatra tal-Maġistrati ġodda. Fil-fatt, in-nomina ta’ bint l-Ispeaker Anġlu Farrugia ħolqot kontroversja minħabba li kien hemm dubji dwar jekk din in-nomina tmurx kontra l-Kostituzzjoni. Iżda Owen Bonnici saħaq li din in-nomina m’għandhiex tmur quddiem il-Kummissjoni – sadattant, waqt li kulħadd qed iħares lejn il-Panama, f’Malta Caroline Farrugia Frendo nħatret Maġistrat.
Manuvri biex jaljenaw lill-poplu
Min-naħa l-oħra, il-Gvern għaddej b’manuvri biex jaljena lill-poplu. Id-diskors surreali ta’ Joseph Muscat nhar il-Ħadd li għadda waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, juri s-sitwazzjoni ta’ paniku li għaddejjin minnha Joseph Muscat u sħabu. Sitwazzjoni li tesiġi azzjoni, karba ta’ poplu biex isem Malta jitnaddaf, għajta tan-nies biex il-korruzzjoni tieqaf u min hu involut jiffaċċja l-konsegwenzi. Iżda min-naħa l-oħra għandna silenzju li jtarrax.
Anke l-Awtorità tax-Xandir ippruvat tagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni biex l-iskandlu tal-Panama ma jissemmiex kemm jista’ jkun. Il-Gvern ipprova wkoll ineħħi l-billboards tal-Partit Nazzjonalista li kienu qed jgħidu l-verità shame on you dwar min hu involut direttament fl-iskandlu tal-Panama u f’min naqas milli jieħu azzjoni.
Iżda mill-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista ħareġ punt importanti ħafna – li r-responsabbiltà hi f’idejn Joseph Muscat. Responsabbiltà li kienet hemm sa mill-bidu, għaliex huwa hu li kellu jieħu azzjoni, mhux illum imma tmien ġimgħat ilu meta ħareġ dan l-iskandlu. Il-Ħadd li għadda, kompla jżidlu ma’ din il-pressjoni sieħbu stess – Konrad Mizzi. Il-mistoqsija tiġi waħedha: Għaliex Joseph Muscat għadu ma ħax azzjoni?
//= $special ?>