Ahmed Sherfid ta’ 36 sena imwieled fil-Libja u li jgħix Ħaż-Żabbar ingħata l-liberta’ proviżorja, marbuta b’numru ta’ kundizzjonijiet, sakemm jinstema’ l-każ kontrih.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, Sherfid wieġeb mhux ħati li l-Erbgħa filgħaxija f’Marsaskala aggredixxa tlieta min-nies u li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq waħda mill-vittmi. Hu kien akkużat ukoll fost oħrajn li kiser il-paċi pubblika u li hedded li jwaddab ġebel jew oġġetti oħra iebsin.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba ta’ liberta’ proviżorja imma rrimarkat li jekk il-Qorti tagħti xi liberta’, din tkun marbuta ma kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, fosthom li ma jersaqx lejn Marsaskala u b’mod partikolari lejn il-vittmi.
Il-Qorti semgħet ukoll lil Grace Calleja li tiġi oħt l-akkużat. Hi stqarret li lesta tkun garanti għal ħuha u wegħdet li ssegwieh u żżomm għajnejha fuqu sakemm ikun għaddej il-każ. Hawnhekk, il-Maġistrat Bugeja wissa lill-akkużat li jekk jikser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti, jagħli hu u jgħalli lil oħtu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn Marsaskala u ma jikkuntattja bl-ebda mod ix-xhieda tal-prosekuzzjoni u li jiffirma fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Il-Qorti ordnat ukoll garanzija ta’ €4,000 fuq l-akkużat u €4,000 fuq il-garanti oħtu. L-Avukat Mark Vassallo qed jidher għal Ahmed Sherfid

