Internazzjonali

Clinton u Sanders f’dibattitu jaħraq fi New York

Il-kandidati Demokratiċi li qed jittamaw li jikkontestaw għall-Presidenza Amerikana f’isem il-partit ħadu sehem f’dibattitu jaħraq fi Brooklyn, fi New York, qabel il-primarji ta’ nhar it-Tlieta f’dan l-istat prinċipali.

L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton u s-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, tlewmu fost oħrajn dwar il-banek ta’ Wall Street, il-kontrolli għall-armi tan-nar u dwar il-paga minima.

Għalkemm fl-aħħar xhur, il-kandidati Demokratiċi ppruvaw jevitaw l-attakki personali li spikkaw bejn ir-rivali tal-Partit Repubblikan, kollox jidher li nbidel fi New York fejn Clinton u Sanders ippruvaw ikissru l-kredenzjali ta’ xulxin bħala mexxejja potenzjali.

Sanders, fost oħrajn, qal li ‘jiddubita s-sens ta’ ġudizzju ta’ Clinton’ waqt li kkritikaha dwar ir-rabtiet finanzjarji ma’ Wall Street u talli hi appoġġjat il-gwerra fl-Iraq.

Intant, Clinton iddubitat kemm Sanders ħasibha sewwa dwar il-proposti politiċi tiegħu u insistiet biex hu jiżvela d-dettalji tat-taxxa tiegħu. Hi anki attakkat lil Sanders għar-rekord tiegħu dwar il-kontroll tal-armi u fakkret li hu ivvota biex jipproteġi lill-produtturi tal-armi milli jkunu suġġetti għall-obbligi legali.