Internazzjonali

Franza: Tfajliet interrogati wara li ttorturaw tifla iżgħar minnhom

Il-Pulizija Franċiża interrogat tliet tfajliet tal-iskola minn Creteil, subborg ta’ Pariġi, meta dawn huma suspettati li damu xhur sħaħ jittorturaw tifla iżgħar minnhom li batiet diversi tipi ta’ sfreġju.

Missier it-tifla li kellem lill-istampa qal li bintu spiċċat suġġetta għal numru ta’ attakki ‘krudili u bla sens’ fejn l-aggressuri tfew is-sigaretti ma’ ġisimha minbarra li użaw sikkina biex jikkaġunawlha qtugħ.

Kien hemm ukoll każ fejn it-tifla nqalgħulha l-ġogi wara li sofriet forma oħra ta’ vjolenza taħt idejn it-tfajliet.

Sar magħruf li l-gang tat-tfajliet – li għandhom bejn it-13 u l-15-il sena — irrikattaw lit-tifla biex tagħtihom il-flus u ttorturawha wara li hi serqet mingħand ħanut tal-merċa.

Intant, il-pulizija qed jieħdu l-passi dovuti wara li saru jafu bil-każ u wara li l-vittma żammet kwieta dwar il-kalvarju li kienet għaddejja minnu.