Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON jirrapporta dwar Gvern fi kriżi u ġurnata twila għall-Prim Ministru Joseph Muscat b’aktar minn sitt sigħat ta’ laqgħat f’Kastilja. Il-ġurnal jirrapporta wkoll li l-PM ta struzzjonijiet lid-Deputati Laburisti biex ma jitkellmux dwar Konrad Mizzi. Fl-ewwel faċċata wkoll insibu storja dwar l-Appell tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kontra l-eks President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso dwar ir-riżenja tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea. Appell li ġie miċħud mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

L-istorja ewlenija f’TIMES OF MALTA hi dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti tal-Panama hekk kif jidher li anki ċ-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, kiser il-liġi tat-taxxa u qed jiffaċċja multa. L-istorja l-oħra fl-ewwel faċċata hi dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern imressqa mill-Oppożizzjoni. Il-ġurnal jirrapporta li d-Deputati Indipendenti Giovanna Debono u Marlene Farrugia se jkunu qed jivvutaw favur il-mozzjoni.

THE MALTA INDEPENDENT jippubblika stħarriġ ieħor, din id-darba dwar Keith Schembri. Ftit inqas min-nofs ta’ dawk intervistati (49%) wieġbu li l-Prim Ministru għandu jneħħih minn Chief of Staff filwaqt li 23% wieġbu li għandu jibqa’ fil-kariga. Fl-ewwel faċċata ta’ dan il-ġurnal hemm ukoll rapport dwar l-appell quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li nqata’ kontra John Dalli

L-ORIZZONT jirrapporta dwar is-Sindku Laburista taż-Żurrieq Ignatius Farrugia li nħareġ mill-ħabs wara ftit siegħat hekk kif seħħ żball fil-Qorti tal-Appell. Kien l-Imħallef Giovanni Grixti stess li appella għal maħfra Presidenzjali. Rapport ieħor fl-ewwel faċċata jgħid li l-faqar assolut ra tnaqqis għall-ewwel darba f’għaxar snin.