Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tispjega l-pożizzjoni tagħha dwar l-Avviż Legali li jitratta l-billboards

Billboard tal-Partit Nazzjonalista - Ritratt mill-Arkivji

Il-Liġijiet ma jistgħux jitfasslu u jidħlu fis-seħħ mingħajr konsultazzjoni. Il-Kamra Maltija għall-Kummerċ qalet dan fi stqarrija, li fiha qalet li mhux se tkun qed taċċetta Liġijiet li jolqtu n-negozji jekk ma ssirx konsultazzjoni mal-Kamra u mas-sidien tan-negozji. Dan b’rabta mal-Avviż Legali 103 tal-2016.

Avviż Legali li jitratta l-billboards, jiġifieri li jitneħħew dawk illegali mit-toroq u li fl-aħħar jiem qajjem kontroversja mhux ħażin. Il-Kamra tal-Kummerċ spjegat li mhix se taċċetta li l-Gvern jagħti sitt ijiem biex il-billboards jitneħħew. Agħar minn hekk, l-Avviż Legali kien ippublikat u implimentat mis-Segretarjat Parlamentari immexxi minn Deborah Schembri.

Fuq kollox, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li mhi se taċċetta bl-ebda mod li l-fatti jiġu rrappurtati u interpretati ħażin. Dan b’referenza għal stqarrija li ħarġet ilbieraħ l-Awtorità għall-Ippjanar, fejn qalet li l-Kamra tal-Kummerċ taqbel mal-Avviż Legali. Xi ħaġa li l-Kamra qed tgħid li mhux minnu.

Għalhekk, il-Kamra qed tispjega li waqt il-laqgħa li ntalbet biex issir mal-Awtorità, qalet li bħala Kamra tal-Kummerċ hi favur l-intenzjoni li jkun hemm forma ta’ regoli jew Liġi biex, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklamar fuq billboards, is-suq ikun wieħed regolarizzat. Qalet ukoll li fil-laqgħa kkundannat il-fatt li l-awtoritajiet ma għamlu l-ebda konsultazzjoni dwar dan l-Avviż Legali. Dan minbarra li sostniet li hemm diversi partijiet tal-Liġi li ma taqbilx magħhom u li trid li ssir konsultazzjoni dwarhom.

Il-Kamra tal-Kummerċ temmet tgħid li filwaqt li għandha relazzjoni tajba ma’ ċerti Ministeri u Segretarjati, tinsab diżappuntata li għad hemm uħud li magħhom ma tantx għandha relazzjoni tajba.