Internazzjonali

Investigat komiku fil-Ġermanja li rredikola lill-President Tork

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ħabbret li l-Gvern tagħha approva inkjesta kriminali fir-rigward ta’ komiku li rredikola lill-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.

Il-Gvern Ġermaniż hu kostrett bil-liġi li japprova kwalunkwe użu ta’ artiklu tal-kodiċi kriminali fir-rigward ta’ insulti fil-konfront ta’ mexxejja barranin. Intant, Merkel għamlitha ċara li l-qrati se jkollhom l-aħħar kelma f’dan il-każ u sostniet li l-Gvern tagħha se jieħu passi biex jirtira l-artiklu inkwistjoni.

It-Turkija ħadet l-inizjattiva biex il-komiku inkwistjoni, Jan Boehmermann, ikun suġġett għall-prosekuzzjoni. Dan meta l-prosekuturi jridu jiddeċiedu jekk jipproċedux kontra l-komiku li uża poeżija bi kliem aħrax biex jirredikola lill-President Erdogan.

F’każ li jinsab ħati, Boehmermann jista’ jeħel multa jew anki sentenza ta’ ħabs, iżda l-esperti jgħidu li l-poeżija tiegħu tista’ titqies bħala parti minn satira, ibbażata fuq l-espressjoni ħielsa, aktar milli fis-sens ta’ insult premeditat kontra l-mexxej Tork.

Il-Kanċillier Merkel, fl-istess ħin, qalet li l-Gvern tagħha ‘jinsab maqsum’ dwar jekk Boehmermann, għandux jiffaċċja prosekuzzjoni, meta l-komiku, jiem ilu, ingħata l-protezzjoni mill-pulizija.