Lokali

Jason Azzopardi liberat – “Jekk il-pulizija ma kinitx konvinta tieqaf hemm” – il-Maġistrat Joe Mifsud

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi kien liberat mill-akkużi ta’ malafama. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet ma kienx hemm l-intenzjoni kriminali speċifika li jimmalafama lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.

F’sentenza ta’ 40 paġna, il-Maġistrat Joe Mifsud daħal f’numru ta’ konsidrazzjonijiet kif ukoll il-prinċipji legali marbuta mal-allegat reat in kwistjoni u l-Qorti waslet għal numru ta konklużjonijiet.

Il-Qorti rrimarkat li jekk il-pulizija tħoss li ma kienx hemm provi biex tinstab ħtija, ma sserraħx il-kuxjenza taghha billi tgħid li ħadet il-parir mingħand xi ħadd fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Pulizija, la ma kienitx konvinta kellha tieqaf hemm u jekk il-kwerelant iħoss li l-każ tiegħu għandu jitmexxa fil-Qorti, għandu l-għodda biex jagħmel dan.

Il-Maġistrat Mifsud ikkritika wkoll il-preżentazzjoni tal-każ min-naħa ta’ Peter Paul Zammit fejn la hu u lanqas il-Pulizija ma ppreżentaw traskrizzjoni tad-DVD li ppreżentaw fl-atti dwar il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Jason Azzopardi u li l-kwerelant Peter Paul Zammit naqas milli jindika lill-Qorti liema huma l-partijiet tal-konferenza tal-aħbarijiet li hu ħassu malafamat bihom.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-imputat Jason Azzopardi seta stenna li jkollu rapport uffiċjali mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data qabel ma sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet u mhux ibbaża l-istess konferenza tal-aħbarijiet fuq rapport ta’ ġurnal li t-titlu tiegħu eventwalment irriżulta li kien żbaljat.

Il-Qorti ġibdet l-attenzjoni għal nuqqasijiet fir-rappurtaġġ dwar deċiżjonijiet fil-Qrati u sejħet għal iktar koperazzjoni bejn il-ġurnalisti u s-sub-editors peress li huma dawn l-aħħar li normalment jagħżlu t-titlu tar-rappurtaġġ.