Wara l-Ministru Konrad Mizzi, anki ċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, qed jiffaċċja multa fuq ksur tal-liġi tal-Income Tax. Il-ġurnal Times of Malta jiżvela li Keith Schembri iddikjara t-Trust fi New Zealand biss wara li l-istorja ħarġet fil-pubbliku u allura ħeba dan kollu mill-awtoritajiet Maltin.
L-istorja tgiddeb l-istqarrija ta’ Keith Schembri li kien qal li t-trust kien dikjarat immedjatament lill-awtoritajiet relevanti fi New Zealand u eventwalment mal-awtoritajiet Maltin.
Kelliem għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni la kkonferma u lanqas ċaħad jekk bdewx proċeduri kontra Keith Schembri għaliex il-liġi ma tippermettix li tingħata informazzjoni dwar taxpayers. Madanakollu, uffiċjal għoli til-Ministeru tal-Finanzi kkonferma li d-Dipartiment beda jinvestiga u sab li Schembri ma osservax il-liġi.
Kollox jindika li dan it-trust kien dikjarat seba’ xhur wara li nfetaħ. Fil-fatt, it-trust bl-isem ta’ Haast infetaħ fit-22 ta’ Lulju tal-2015 dan wara li akkwista l-kumpanija sigrieta fil-Panama Tillgate Inc. Dan sar bis-saħħa tal-konsulenti Finanzjarji Nexia BT.
//= $special ?>