Kien Pierre Cachia, il-ko-ordinatur tal-Festi tal-Karnival, li ta l-istruzzjonijiet lil Juan Vella biex jaħraq il-logħob tan-nar minn fuq il-bejt tal-Palazz tal-President nhar is-7 ta’ Frar li għadda u li fih kien sofra ħruq f’wiċċu.
Dan joħroġ mill-istqarrija li għamel Vella stess lill-Pulizija u li kienet moqrija mis-Surġent Alexander Schembri meta xehed fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fil-kawża kontra l-istess Juan Vella ta’ 23 sena mill-Fgura. Vella jinsab akkużat li ħaraq logħob tan-nar mingħajr liċenzja. Fix-xhieda tiegħu, is-surġent Schembri qal li daħal rapport ta’ inċident li jinvolvi logħob tan-nar fuq il-Palazz tal-President għall-ħabta tat-8p.m.
Mill-istħarriġ tal-Pulizija irriżulta li l-logħob tan-nar kien liċenzjat fuq ċertu Bernard Cauchi, li iżda, ma kienx fuq il-post dak il-ħin tal-inċident. Is-Surġent kompla li Vella hu technician tad-dawl u li fl-istqarrija tiegħu, Vella sostna li kien imġiegħel minn Pierre Cachia biex jaħraq il-Kaxxa infernali. Fl-istħarriġ instab li Juan Vella m’għandux liċenzja biex jaħraq logħob tan-nar. Xehed ukoll l-Ispettur Daryl Borg li ressaq kopji taċ-ċertifikati mediċi maħruġa miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u mid-Dipartiment tal-Oftalmoloġija tal-Isptar Mater Dei. Jirriżulta li Juan Vella sofra ħruq ta’ natura ħafifa.
Issejjaħ biex jixhed ukoll Pierre Cachia u peress li l-pulizija mistennija tieħu passi kontrih ukoll, kien imwissi mill-Maġistrat Joe Mifsud li jista’ ma jixhidx jew ma jweġibx mistoqsijiet li bihom jista’ jinkrimina lilu nnifsu. Pierre Cachia qal li fil-ħin tal-inċident tela’ fuq il-bejt tal-Palazz u kien qed jieħu ritratti. Hu ċaħad li ta struzzjonijiet lil Juan Vella biex jaħraq il-logħob tan-nar. Mistoqsi direttament mill-Prosekuzzjoni jekk rax lil Vella jaħraq il-logħob tan-nar waqt li kien fuq il-bejt tal-Palazz jieħu r-ritratti, Cachia wieġeb li ma rahx. Cachia kompla li malli ra li Vella weġġa’ hu ċempel għall-għajnuna
Xehed ukoll Jason Busuttil, iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Karnival fejn sostna li ma kellu x’jaqsam xejn mal-logħob tan-nar. Ir-rwol tiegħu kien biss li jħallas lill-kuntrattur ta’ xogħolu u fl-ebda ħin ma kien fl-inħawi ta’ fejn seħħ l-inċident.
Issejjaħ ukoll biex jixhed il-licensee Bernard Cauchi li min-naħa tiegħu għażel li ma jixhidx. Dan minħabba li l-Pulizija mistennija tieħu passi kontrih sabiex ma jinkriminax lilu nnifsu. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Daryl Borg filwaqt li l-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit qed jidher għal Juan Vella. Il-każ ikompli jinstema fit-13 ta’ Ġunju
//= $special ?>

