Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

L-istudenti Universitarji f’dibattitu mal-MEPs Maltin

Il-mistoqsijiet tal-istudenti Universitarji dwar oqsma varji kienu mwieġba u diskussa mill-Membri Parlamentari Ewropej Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi.

Din il-laqgħa kienet organizzata fuq il-Kampus tal-Università u l-iskop tagħha kien li flimkien mal-istudenti, iż-żewġ MEPs jiddiskutu l-involviment tal-istudenti fil-ħajja Universitarja u l-politika Ewropea, li fl-aħħar mill-aħħar hi politika li taffettwa lil pajjiżna.

Fost it-temi diskussa waqt din il-laqgħa kien hemm is-soċjetà Ewropea vis-a-vis t-terroriżmu. Dwar dan, Therese Comodini Cachia qalet li l-kriżi tat-terroriżmu m’għandha qatt iċċaħħad lill-persuni mid-drittijiet tagħhom.

Suġġett ieħor diskuss kien dwar l-użu tal-internet. F’dan ir-rigward, iż-żewġ MEPs qalu li l-Unjoni Ewropea temmen li l-internet mhu ta’ ħadd biex jikkontrollah, iżda bħala Unjoni Ewropea trid tagħmel laqgħat mal-istakeholders biex jaraw li jkun hemm l-użu kif suppost u fejn hemm bżonn jitfasslu wkoll il-Liġijiet.

Matul il-laqgħa tkellem ukoll Peter Agius, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, li qal li l-Uffiċċju għandu bżonn jikkollabora ma’ għaqdiet bħall-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) biex jifhem il-ħsibijiet tal-istudenti.

B’hekk, dawk il-ħsibijiet ikunu riflessi fil-politika Ewropea permezz tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin.