Il-Korp tal-Pulizija totalment sieket dwar l-iskandlu Panama Papers, bil-Kummissarju Michael Cassar jevita d-domandi ta’ Net News dwar x’qed isir minn naħa tal-Pulzija biex tinvestiga l-allegazzjonijiet serjissimi li ħerġin jum wara l-ieħor. Dan hekk kif issa l-iskandlu tal-Panama ma’ baqax biss skandlu lokali, iżda sploda fi skandlu internazzjonali magħruf mad-dinja kollha.
Il-Ministru Konrad Mizzi huwa l-uniku Ministru tal-UE li jissemma’ fil-lista tal-Panama Papers.
Illum qed joħorġu dettalji ġodda dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Muscat, Keith Schembri, bit-Times of Malta tgħid li Schembri ma ddikjarax it-trust tiegħu ta’ New Zealand mad-Dipartiment tat-Taxxa.
Minkejja dawn l-iżviluppi serji u inkwetanti, jirriżulta li l-Korp tal-Pulizija qed jibqa’ lura milli jinvestiga dan l-iskandlu. Aħna minn naħa tagħna, għaddejna b’email dawn id-domandi lill-Kummissarju Michael Cassar:
⚫ Il-Korp beda xi forma ta’ investigazzjoni dwar il-fatti kollha li johorgu mill-Panama Papers u li fihom tissemma’ Malta?
⚫ Jekk iva, meta bdiet din l-investigazzjoni?
⚫ Wettaqtu tfittxijiet fl-ufficcji ta’ Nexia BT?
⚫ Investigajtu il-files kollha fl-Ufficcju tal-Ministru Konrad Mizzi?
⚫ Investigajtu il-files kollha fl-Ufficcju taċ-Chief of Staff fl-OPM Keith Schembri?
⚫ Intlabtu informazzjoni minn istituzzjonijiet barranin bhall-Interpol jew il-Kummissjoni Ewropea?
Sa dalgħodu, wara kważi 48 siegħa, dawn id-domandi baqgħu mhux imwieġba. Irċivejna biss il-konferma li l-email wasal id-Depot.
//= $special ?>

