Is-sentenza tal-Qorti dalgħodu, li fiha d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ġie lliberat mill-akkuża, hi rebħa għal-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna u telfa għall-politika ta’ intimidazzjoni ta’ Joseph Muscat.
Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn sostna li mis-sentenza joħroġ ċar li l-akkużi ma kellhom qatt jinġiebu fl-ewwel lok. Dan jikkonferma dak li ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li dawn l-akkużi nġiebu kontra Deputat Nazzjonalista biex jipruvaw jintimidaw u jagħlqu ħalq l-Oppożizzjoni.
Dawn l-akkużi bla bażi kienu biss każ wieħed minn sensiela ta’ mossi tal-Gvern biex jipprova jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni, bħalma kienu d-deċiżjonijiet li tinbidel il-Liġi ħalli jitneħħew il-billboards tal-Partit Nazzjonalista u d-deċiżjoni redikola taċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir li tgħid lill-Partit Nazzjonalista li ma jistax jitkellem dwar l-iskandlu tal-Panama fi dritt ta’ risposta.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li mhux se jċedi għall-intimidazzjoni tal-Gvern ta’ Muscat. Temm billi feraħ lil Jason Azzopardi, li bil-persważjoni u b’dinjità ddefenda ruħu bl-aqwa mod fil-Qorti, li fil-fatt tatu raġun.
//= $special ?>