L-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) ma tinsabx biss inkwetata u mħassba bis-sitwazzjoni mwiegħra li ġab fiha lil Malta l-Prim Ministru Joseph Muscat, bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tiegħu wara li tmien ġimgħat ilu ġie żvelat l-iskandlu Panamagate. Il-qagħda ta’ pajjiżna llum, wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers li ħammeġ isem Malta internazzjonalment, hi ferm aktar serja minn ta’ pajjizi ohra li bħalna kienu vittmi ta’ inkwiet kbir tort ta’ persuni li r-regħba u l-flus saru l-Alla tagħhom.
Iżda filwaqt li pajjiżi oħra kienu lesti ħelsu minn dawn il-kriminali lebsin libsa politika li ma tixirqilhomx, billi keċċewhom jew ġiegħluhom jirriżenjaw, il-Prim Ministru Malti għadu stinat fil-fehma li jipprova jgħaddiha lixxa lilll-eqreb fost sħabu li ġimgħat qabel konna diġà nafu li huma mdaħħlin f’dan l-iskandlu.
Fi stqarrija, l-APAN fakkret kif il-Prim Ministru Muscat baqa’ jinjora kull sejħa ġenwina għal passi immedjati biex inaddaf l-operat tal-governanza tiegħu. Kienu kollha għalxejn il-pariri u t-twissijiet mill-President tar-Repubblika, mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, mill-Ministri sħabu, mill-għaqdiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, kif ukoll tal-kampanja ġenwina tal-Oppożizzjoni u mill-eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin ta’ kull fehma politika.
Saħansitra injora l-parir tal-ex Mexxej Laburista, li jaf bl-esperjenza x’jiġri meta twebbes rasek fil-politika, bħalma kien ġralu hu dwar il-VAT. Il-qagħda saret aktar prekarja għax issa bdejna nirrealizzaw serjament li l-konsegwenzi huma koroh ħafna u fit-tul, speċjalment fil-qasam tal-impjiegi, partikolarment fil-qasam finanzjarju.
L-APAN kompliet li bħala Assoċjazzjoni li għandha għal qalbha l-ġid tal-anzjani u l-pensjonanti Maltin u Għawdxin, tappella lil-Prim Ministru biex jerfa’ minnufih personalment ir-responsabbiltà politika ta’ din is-sitwazzjoni, li ħalliha tiddeġenera bla bżonn, billi jtemm minnufih il-mandat politiku tal-persuni involuti f’dan l-iskandlu u jitlob lill-President tar-Repubblika tibgħat għal membru ieħor tal-Gvern biex jifforma Gvern ġdid minfloku msejjes fuq il-ġustizzja, it-trasparenza u l-indafa politika.
B’hekk biss pajjiżna jista’ jerġa’ jieħu d-dinjità li tant tixraqlu, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>