Internazzjonali

Tfalli prova ta’ missila waqt jum sinifikanti għall-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq wettqet prova oħra ta’ missila lil hinn mill-kosta tal-Lvant, iżda uffiċjali tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel qalu li din falliet fl-iskop tagħha.

Il-prova seħħet fi żmien sinifikanti, meta l-poplu tal-Korea ta’ Fuq qed ifakkar il-ġurnata tat-twelid ta’ Kim il Sung, il-fundatur tal-istat Komunista, li kien miet fis-sajf tal-1994.

Ingħad li l-missila ballistika suġġetta għall-aħħar prova suppost li twassal fuq distanzi medji, anki jekk din ma kenitx identifikata. Mhux eskluż li l-missila setgħet kienet tat-tip Musudan (BM-25), wara li l-qawwiet Koreani Komunisti, fl-aħħar jiem, dehru qed imexxu tnejn minn dawn il-missili. Il-prova, intant, seħħet fi żmien ta’ tensjoni akuta fl-inħawi tal-peniżola Koreana.

L-Istati Uniti qalet li segwiet il-prova partikolari iżda ma setgħetx tikkonferma d-dettalji. Intant, l-Amerikani sejħu biex il-Korea ta’ Fuq iżżomm lura minn azzjonijiet u kliem provokattiv li jistimolaw it-tensjoni fir-reġjun.

Anki ċ-Ċina kkritikat dak li fissret bħala ġest intimidatorju min-naħa tal-Korea Komunista u li qalet li ‘mhu se jwassal imkien’.