Il-Ministru tat-Trasport tal-Belġju, Jacqueline Galant, irriżenjat fuq akkużi li hi injorat nuqqasijiet fis-sistema tas-sigurtà fl-ajruport ta’ Brussell qabel it-terroristi tal-ISIS wettqu l-attakki qattiela tat-22 ta’ Marzu f’dan it-terminal.
Dokument kunfidenzjali juri li n-nuqqasijiet fl-ajruporti tal-Belġju kienu identifikati fl-2015 minn spetturi tal-Unjoni Ewropea. Galant, intant, ċaħdet li kienet qrat ir-rapport li d-dettalji tiegħu saru magħrufa permezz ta’ leak mill-partiti Belġjani fl-Oppożizzjoni.
Ir-rapport mill-Kummissjoni Ewropea, li kien ippubblikat mix-xandar RTBF, irrefera għal ‘nuqqasijiet serji’ u sostna li ‘ma kienx hemm moniteraġġ xieraq’ għal programmi tas-sigurtà tal-ajru u l-ajruplani.
L-attakki ta’ Marzu mill-ISIS fuq l-ajruport internazzjonali ta’ Zaventem u l-istazzjon tal-metro fi Brussell kienu ħallew 32 mejtin. Dan meta mhux ċar jekk, qabel, ittiħdux il-miżuri neċessarji kollha għall-ħarsien tas-sigurtà fl-ajruporti ta’ Brussell.
Il-Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel, qabel, kien iddefenda lill-Ministru Galant waqt li informa lill-Parlament li l-Uffiċċju tagħha ma kienx ra r-rapport kritiku min-naħa tal-UE. Iżda hu, issa, qal li r-rapport kien spiċċa diskuss ‘kuntrarjament għal dak li kien żvelat lilu’. Dan wara l-pubblikazzjoni, nhar il-Ħamis, ta’ aktar dokumenti.
Michel, dalgħodu, iltaqa’ ma’ Galant li, wara l-laqgħa, issottomettiet ir-riżenja tagħha lir-Re tal-Belġju fejn sostniet ‘li hi ma setgħetx tkompli bid-doveri tagħha’.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Michel qed jiddefendi l-politika ta’ pajjiżu fil-konfront tat-theddid mit-terroristi u insista li ‘l-Belġju mhux xi stat fallut’.
//= $special ?>