Il-Ministru Carmelo Abela ingħaqad ma’ lista ta’ Deputati tal-Gvern Laburista li dwar l-iskandlu ta’ Konrad Mizzi, tefgħu il-ballun f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fl-aħħar jiem, numru ta’ Deputati ddikkjaraw li se jħallu f’idejn Joseph Muscat biex jiddeċiedi dwar il-futur politiku ta’ Konrad Mizzi. Jingħaqad ma’ dawn id-Deputati, il-Ministru Carmelo Abela, li waddab il-ballun f’saqajn Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet.
Mistoqsi minn NETnews.com.mt jekk jaqbilx ma’ Alfred Sant, Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia (li qalu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja); jew inkella jekk jaqbilx mal-Prim Ministru (li għadu ma ħax deċiżjoni dwar Konrad Mizzi), il-Ministru Carmelo Abela qal li jħalli f’idejn il-Prim Ministru biex jiddeċiedi meta jkollu l-fatti quddiemu.
Fl-aħħar jiem kien hemm Deputati oħra tal-Gvern ta’ Muscat li wkoll waddbu l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru u qalu li għandhom fiduċja li Joseph Muscat se jiddeċiedi. Dan minkejja li l-Prim Ministru ilu aktar minn 50 ġurnata jipposponi deċiżjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Intant, waqt l-istess konferenza tal-ahbarijiet, il-Ministru Carmelo Abela, li hu responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, kien mistoqsi għaliex il-Pulizija għadhom ma bdewx jinvestigaw lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, li nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Iżda l-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, farfarha minn fuq spallejh u qal li hu ma jindaħalx fil-ħidma tal-Korp tal-Pulizija.
//= $special ?>