Il-Gvern Laburista kompla jitlef l-appoġġ tal-votanti, f’nofs l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Stħarriġ mill-ġurnal The Malta Independent jikkonferma li fuq perjodu ta’ sena – minn April tal-2015 sa’ April 2016, il-Gvern Laburista tilef 18% tal-appoġġ minn dawk li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet ivvutaw lill-Partit Laburista.
F’April tas-sena l-oħra, il-Gvern Laburista kien igawdi 91% tal-appoġġ minn dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutaw lill-Partit Laburista, iżda issa, din il-figura waqgħet bi 18.2% – għal 72.7%.
Meta wieħed iħares lejn dawk kollha li pparteċipaw fl-istħarriġ, l-istħarriġ juri wkoll żieda qawwija fl-ammont ta’ persuni li qed jiġġudikaw il-ħidma tal-Gvern Laburista bħala waħda ħażina.
Stħarriġ ta’ The Malta Independent f’Diċembru 2014 juri li kienu 23.7% li ġġudikaw il-ħidma tal-Gvern bħala negattiva. F’April 2015, dan l-ammont naqas għal 18.3% iżda fl-aħħar sena l-ammont reġa’ żied għal 40.3%.
Intant, mill-istess stħarriġ jirriżulta li l-Partit Nazzjonalista żied bi 13% fl-ammont ta’ persuni li jiġġuddikaw b’mod pożittiv il-ħidma tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>