Internazzjonali

L-ebda dubju dwar il-konnessjoni bejn iz-Zika u difetti fit-trabi

Esperti mas-Centers for Disease Control and Prevention, fl-Istati Uniti, għamluha ċara li m’għadx hemm l-iċken ħjiel ta’ dubju li l-virus taz-Zika jikkaġuna difett, magħruf bħala microcephaly, fit-trabi li jitwieldu.

L-uffiċjali tas-saħħa, b’hekk, ikkonfermaw l-agħar biża’ tal-ommijiet tqal residenti fl-Istati Uniti u l-Amerika Latina, filwaqt li wissew li ommijiet infettati bil-virus jistgħu jwelldu trabi b’irjus żgħar fuq livell abnormali u li jkunu jbatu wkoll minn sfreġju tal-moħħ.

It-tobba fil-Brażil ilhom mis-sena l-oħra jsostnu l-konnessjoni bejn in-nisa tqal infettati biz-Zika u ż-żieda fit-trabi li qed jitwieldu b’kundizzjonijiet tal-microcephaly.

U waqt li ħafna esperti sostnew li wieħed kellu jitratta r-riċerka u r-riżultati b’kawtela qabel jiġbed konklużjoni, il-US Centers for Disease Control and Prevention (CDC) issa qal li hemm provi biżżejjed li jikkonfermaw il-konnessjoni bħala valida.

Id-Direttur tas-Centers for Disease Control, Tom Frieden, qal li d-dubju, issa, tneħħa u li s-CDC, flimkien ma’ aġenziji tas-saħħa oħra, qed iwissu n-nisa tqal biex jużaw miżuri li jbiegħduhom min-nemus u ma jivvjaġġawx lejn reġjuni magħrufin għaz-Zika. Twissija oħra hi biex in-nisa f’ċertu reġjuni jżommu lura mis-sess inkella jieħdu ħsieb li jużaw metodi xierqa ta’ kontraċezzjoni.