F’laqgħa għall-membri organizzata mill-GRTU, ġie diskuss l-inkwiet li nqala minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni fl-Avviż Legali maħruġ mill-Gvern. Il-GRTU innotat li l-istqarrija maħruġa mill-Gvern dwar l-Avviż Legali tgħid li din se teżenta t-tabbelli tal-ħwienet u l-billboards milli jħallsu l-€1500 fis-sena, iżda ma ġietx ikjarifikata l-mistoqsija ta’ jekk din il-liġi hijiex se taffetwa il-bqija tas-settur vast tar-reklamar. Għaldaqstant il-GRTU qed tappella sabiex dawn id-dubji minn naħa tal-Gvern jiġu kkjarifikati.
Il-GRTU semgħat id-diversi ilmenti ta’ numru kbir ta’ membri li jipproduċu t-tabbelli hekk kif dawn għandhom ix-xogħol wieqaf minnħabba li bħalissa kulħadd jinsab fil-għama dwar din il-liġi proposta.
Fl-istess laqgħa, l-GRTU rrimarkat li diversi artikli fil-liġi li llum il-ġurnata ma jintużawx u li kellhom jitneħħew, reġgħu tfaċċaw fl-liġi l-ġdida. Eżempju li tat kien li fuq ir-reklam jiġi miktub in-numru tal-permess mogħti mill-awtorita’ responsabbli tal-Gvern – iżda llum l-ġurnata minkejja li hi miktuba fl-att tal-liġi, din ma tiġix osservata.
Il-GRTU temmen li din il-liġi mhux biss għandha tiġi emendata drastikament, iżda hemm bżonn li tinbidel kompletament. Grazzi għall-pressjoni li saret mill-Union stess, illum qed jiġi diskuss l-impatt negattiv li dan l-Avviż Legali jista’ jkollu fuq il-pajjiż jekk tiġi introdotta.
Il-GRTU temmen li qabel ma nħarġet din l-liġi, missu kien hemm laqgħat ta’ konsultazzjoni, u minkejja li l-union tapprezza li l-Gvern irikonoxxa li inħolqot problema, l-GRTU tistqarr li jrid isir ħafna aktar minn hekk biex tinstab soluzzjoni.
Il-ġimgħa ddieħla l-GRTU se żżomm diversi laqgħat ta’ għarfien dwar is-suġġett, fejn nhar l-Erbgħa li ġej il-union se tiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari responsabbli Deborah Schembri.
//= $special ?>