Aktar minn 50 ġurnata wara li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, inqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Pannama, Joseph Muscat għadu qed jgħid li se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet.
Joseph Muscat kien qed iwieġeb xi mistoqsijiet tal-ġurnalisti hu u dieħel biex jindirizza konferenza f’Għawdex dwar l-aċċessibilità.
Matul dawn l-aħħar 50 ġurnata, ġew żvelati numru ta’ fatti li nżammu moħbija mill-pubbliku. Fost dawn hemm il-fatt li l-proċess biex jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama beda ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali, li Konrad Mizzi u Keith Schembri provaw jiftħu kontijiet bankarji f’minn tal-anqas seba’ banek differenti u li kien hemm il-“go ahead” biex jinfetaħ kont bankarju fil-Panama. Dan apparti l-fatt li ġie żvelat, li f’dan il-kont bankarju kellu jkun hemm depożitu minimu ta’ 350,000 dollaru sa’ massimu ta’ miljun dollaru fuq perjodu ta’ sena.
Iżda fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi deskritti bħala ‘xokkanti’, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed jirrifjuta li jieħu deċiżjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru sempliċiment qal li se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet meta jkun il-waqt.
//= $special ?>
