Lokali

Żieda qawwija ta’ serq mill-bwiet fl-2015

Fl-2015 kien hemm aktar minn 17,100 każ ta’ kriminalità rrappurtati f’Malta skont ir-rapport annwali ‘Crime Malta’, li dettalji minnu ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Din iċ-ċifra, ta’ 17,138 każ ta’ kriminalità tfisser żieda ta’ 490 każ fuq is-sena ta’ qabel, l-2014. Dan ifisser li b’mod globali, matul l-2015 kienet irreġistrata żieda fil-kriminalità.

Iżda din iż-żieda hija attribwita l-aktar għal żieda qawwija f’dak li jissejjaħ ‘pickpocketing’ – jiġifieri meta xi ħadd jisraq xi ħaġa mill-but ta’ xi ħadd.

Filfatt, mill-2014 għall-2015 kien hemm żieda ta’ 32% fil-każi ta’ pickpocketing. U jekk immorru ftit aktar lura fis-snin, naraw kif filwaqt li fl-2009 kien hemm 450 każ rappurtat ta’ pickpocketing, is-sena l-oħra dan l-ammont żdied għal aktar minn 2,000 każ. Dan iwassal biex 12% tal-każi kollha ta’ kriminalità fl-2015 huma attribwiti għall-pickpocketing.

Fl-2015, is-serq kien l-aktar kategorija ta’ każijiet kriminali li kienu rrappurtati. Filfatt, is-serq irreġistra 51% tal-każiijiet kollha ta’ kriminalità fl-2015. Filwaqtt li s-serq gravi naqas, skont dan ir-rapport, kien hemm żieda fil-pickpocketing. Ir-rapport juri wkoll li mill-2014 għall-2015 kien hemm tnaqqis f’serq mid-djar. Filfatt, skont dan ir-rapport, fl-2015 kienu rrappurtati 712 każ ta’ serq mid-djar meta mqabbel ma’ 932 każ fl-2014.

Id-danni fil-projetà ta’ ħaddieħor baqa’ l-istess bejn l-2014 u l-2015 u kien it-tieni l-aktar tip ta’ kriminalità li kien irrappurtat, meta rreġistra 24% tal-każijiet kollha ta’ kriminalità fl-2015.

Il-każijiet ta’ vjolenza domestika irreġistraw 7% tal-każi kollha., li poġġew il-vjolenza domestika fit-tielet post bħala l-aktar kategorija li kienet rappurtata s-sena l-oħra.

B’kollox, fl-2015 kien hemm 1,205 każ ta’ vjolenza domestika. Dan ifisser żieda mill-2014 meta kienu rrappurtati 2014.
Fl-2007 kienu rrappurtati 116-il każ ta’ vjolenza domestika. Dan ifisser li mill-2007 għall-2015, kien hemm żieda astronomika ta’ 1038% fil-każi rappurtati ta’ vjolenza domestika.

Każijiet ta’ aggressjoni fl-2015 ammontaw għal ftit aktar minn 4%, bħal każijiet ta’ frodi, li ammontaw għal 4% tal-każi kollha ta’ kriminalità fl-2015. Dawn il-ħames kategoriji b’kollox jammontaw għal 90% tal-każi kollhata’ kriminalità matul is-sena l-oħra.

Mir-rapport joħroġ li kien hemm tnaqqis ta’ serq mid-djar, tnaqqis ta’ każijiet ta’ prostituzzjoni, tnaqqis ta’ aggressjonijiet u tnaqqis ta’ każijiet marbuta ma’ droga.

Iżda fl-2015 żdiedu l-każijiet ta’ pickpocketing, ta’ vjolenza domestika, ta’ theddid u vjolenza pubblika u każijiet ta’ frodi. Kienet reġistrata wkoll żieda fis-cybercrimes, jiġifieri kriminalità li ssir minn fuq kompjuter.