Carmel Magro, il-propjetarju tal-kumpanija TEC Limited, fl-aħħar tlett snin ta’ gvern Laburista gawda b’aktar minn miljun Ewro f’kuntratti tal-gvern fosthom b’aktar minn nofs miljun Ewro f’direct orders inkluż xogħol ta’ manuntenzjoni f’Kastilja.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta li rappurtat kif l-istess Magro gawda kuntratti li wasslu għal introjtu kbir għal kumpanija tiegħu fosthom kuntratti b’rabta mal-karnival, il-Valletta Summit, iċ-CHOGM u attivitajiet oħra nazzjonali. Dħul per eżempju ta’ tlett mija ħamsa u ħamsin elf Ewro waqt iċ-CHOGM, sebgħa u sebgħin elf Ewro b’rabta ma’ xogħol f’Kastilja, sebgħa u sittin elf Ewro għal xogħol fuq l-uffiċju taċ-CHOGM Task Force, sebgħa u ħamsin elf Ewro għal tinda waqt iċ-CHOGM li ma’ ntużatx, mija ħamsa u tlettin elf Ewro għal attivitajiet tal-karnival fosthom tmienja u ħamsin elf Ewro b’direct order u għoxrin elf Ewro għal xogħol marbut ma’ l-attivitajiet tal-gvern bl-isem ‘Gvern li jisma”.
Fl-2013 Magro kien provda bosta tined lil Partit Laburista għall-attivitajiet politiċi fil-kampanja elettorali filwaqt li fis-snin ta’ qabel l-elezzjoni kien intuża mill-Partit Laburista f’attakk politiku aħrax kontra l-eks Ministru Tonio Fenech.
Meta il-gazzetta The Sunday Times of Malta provat tagħmel mistoqsijiet lil Magro dan għażel li ma jweġibx u qal biss li l-uffiċju kien magħluq.