Internazzjonali Unjoni Ewropea

Federica Mogherini u Karmenu Vella jibdew żjara fl-Iran

“Bħala operatur ewlieni fil-Lvant Nofsani u fl-Asja, huwa kruċjali li l-Iran jagħżel li jieħu sehem b’mod kostruttiv fl-oqsma reġjonali u internazzjonali kollha. U aħna, l-Unjoni Ewropea, għandna l-aktar interess qawwi li nimpenjaw ruħna biex niksbu dan ir-riżultat”. Hekk tgħid stqarrija tar-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Federica Mogherini u l-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella, inkarigat mill-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd wara li dawn il-bieraħ bdew żjara fl-Iran biex jagħtu ħajja ġdida lir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ naħat, wara l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) dwar il-programm nukleari tal-Iran. Jakkumpanjaw lil Mogherini u Vella hemm numru ta’ uffiċjali oħra inkarigati minn oqsma li jvarjaw minn Ambjent, Enerġija, Trasport u Industrija sa Edukazzjoni, Għajnuna Umanitarja u Ġestjoni tal-Kriżi

Fl-istqarrija Mogherini u Vella jispjega li l-ħidma dwar il-PAKK għadha ma spiċċatx u l-Iran għandu jimplimenta l-ftehim kollu kemm huwa u għat-terminu kollu tiegħu, u jirrispetta l-impenji tiegħu skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni. L-istess japplika għall-komunità internazzjonali min-naħa tagħha tal-ftehim. Mogherini u Vella qalu li l-ftehim iffirmat fi Vjenna diġà ħoloq atmosfera ġdida, li hija ta’ benefiċċju għal kulħadd. It-twelid tal-Grupp Internazzjonali ta’ Appoġġ għas-Sirja – u l-kisbiet tal-Grupp dwar waqfien tal-ostilitajiet u tal-aċċess umanitarju lil żoni assedjati – ma setax iseħħ mingħajr il-ftehim mal-Iran tispjega l-istqarrija.

“Neħtieġu djalogu li huwa komprensiv fil-firxa tiegħu, li huwa kooperattiv fejn hemm interess reċiproku, li huwa kritiku fl-oqsma fejn ma naqblux, imma li huwa kostruttiv fit-ton u fil-prattika. Meta tkun tassew bi sħab, ma tibżax tindirizza n-nuqqas ta’ qbil, u ma jkun hemm l-ebda tabù. Il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem kienet parti mill-konverżazzjonijiet reċenti kollha tagħna mat-tmexxija Iranjana. Kellna bżonn deċennji biex neħilsu mill-piena kapitali fl-Ewropa – u għad fadal xi jsir. Nixtiequ nakkumpanjaw lil sħabna l-Iranjani fi vjaġġ simili” spjegaw Mogherini u Vella.

L-istqarrija ttemm tgħid li issa huwa ż-żmien li jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ tal-Iran. Biex dan jaħdem se jkun hemm bżonn ta’ żmien, kuraġġ u determinazzjoni miż-żewġ naħat.