Lokali

F’nofs l-iskandlu tal-Panama: Joseph Muscat jgħid li għada se jmur il-Parlament b’serenita’

F’nofs l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama, il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu qal għada se jmur il-Parlament b’serenita’.

Għada se tkun diskussa mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat li tressqet mill-Oppożizzjoni wara sensiela ta’ skandli i dwarhom Joseph Muscat ma ħa l-ebda azzjoni, bl-aktar riċenti jkun il-każ tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Muscat ilu aktar minn 50 ġurnata jipposponi li jieħu deċiżjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri.

L-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama wassal għal kundanna qawwija mhux biss mill-pubbliku, iżda anke minn entitajiet fis-soċjeta’ kif ukoll minn Deputati Laburisti stess li qalu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja. Fost dawn kien hemm Godfrey Farrugia u Evarist Bartolo, apparti l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant li qal li Konrad Mizzi għandu jirriżenja.

Iżda fid-dawl ta’ din il-pressjoni kollha għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, dalgħodu f’attivita’ politika fl-Imġarr, Joseph Muscat iddikkjara li jinsab ‘seren’ u li sejjer jiddibatti fil-Parlament b’serenita’.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li d-diskors tal-Prim Ministru dalgħodu juri kemm jinstab f’sitwazzjoni disprata tant li kellu jirrikorri għal gidba oħra kontra wieħed mill-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista f’kampanja disprata kontra l-oppożizzjoni mimlija gideb.

Minflok jgħaddi rimarki nieqsa minn kull sugu Joseph Muscat għandu jisma l-għajta tal-poplu u jitlaq hekk kif tilef l-awtorita’ morali biex imexxi l-pajjiż kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista. L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tispjega li n-nies qegħdin jistennew responsabbilita’ politika u mhux tfiegħ tat-tgħajn. L-istqarrija ttemm tgħid li Muscat tassew ma’ jridx jgħaraf ir-realta’ li hemm quddiemu.