Lokali Turiżmu

Ħaddiema tal-MTA fid-dlam dwar ċaqlieq tal-operat mill-Belt għal Smart City

Il-ħaddiema tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, ilhom xhur sħaħ fid-dlam dwar iċ-ċaqlieq tal-operat tal-MTA mill-bini fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta għal uffiċini ġewwa Smart City.

Il-ħaddiema saru jau b’dan iċ-ċaqlieq mill-mezzi tax-xandir u mingħajr ma kienu kkonsultati jew mgħarrfa direttament mit-tmexxija tal-Awtorità. Dwar dan In-Nazzjon ħa l-kummenti tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg li qal li l-Oppożizzjoni tħoss li dan mhux biss jonqos il-ħaddiem mill-aspett prattiku, imma wkoll jirrifletti l-attitudni xejn desiderabbli lejn l-istess ħaddiema u l-unions li jirrappreżentawhom. Antoine Borg żied li l-inqas ħaġa li l-ħaddiema jistennew hi li ssir komunikazzjoni magħhom.

Kienet l-Oppożizzjoni li saqsiet għal bosta drabi dwar dan iċ-ċaċlieq. Ċaqlieq li kien ukoll ikkonfermat miċ-Chairman tal-V18 Jason micallef u mill-Ministru tat-Turżmu Edward Zammit Lewis fuq il-PBS.

L-Oppożizzjoni qed tistaqsi jekk iċ-ċaqlieq tal-operat tal-MTA mill-Belt għal Smart City huwiex biss temporanju sakemm jitlesta l-proġett tal-binja l-ġdida tal-ITS, li se jkun il-post minn fejn l-MTA se tkun qed topera b’mod permanenti. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg staqsa għal-liema raġuni se jsir ċaqlieq temporanju għal Smart City meta l-operat jista’ jimxi direttament fil-binja l-ġdida tal-ITS meta din tkun lesta.