Lokali

Ikompli jirrenja taħwid u ansjeta’ fil-Partit Laburista

Mal-24 siegħa biss ‘il bogħod mid-diskussjoni fil-Parlament dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat, qiegħed ikompli jirrenja taħwid u ansjetà fil-Partit Laburista sforz il-pożizzjoni riġida tal-Prim Ministru li akkosta ta’ kollox qiegħed ikompli joħroġ għonqu kemm għall-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll għaċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri li t-tnejn huma msemmija fl-iskandlu ‘Panama Papers’.

Sors veteran tal-gazzetta Il-Mument fil-Partit Laburista qal li bl-imġiba tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ikompli jġib dahru mal-ħajt kemm lill-Gvern, b’mod partikulari fejn tidħol id-dehra tiegħu, kif ukoll lill-Partit fejn f’laqgħat interni matul il-jiem li għaddew din il-kwistjoni kienet diskussa b’mod ripetut u bosta qablu li għall-ġid tal-Partit kemm il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri għandhom jitkeċċew mill-pożizzjoni rispettiva tagħhom.

Jista’ jagħti l-każ, fisser is-sors ta’ Il-Mument, li l-Prim Minitru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri jafu ħafna, anzi wisq, dwar xulxin. “Dan fih innifsu jkompli jikkomplika l-ħajja tal-Prim Ministru biex jieħu azzjoni kontra xi ħadd,” qal is-sors fil-Partit Laburista.

Meta nhar il-Ħamis li għadda, ftit tal-ħin wara li rritorna Malta mill-bejgħ tal-passaporti u ċ-ċittadinanza Maltija fil-Libanu u l-Ġordan, il-Prim Ministru laqqa’ l-ewwel il-Kabinett u mbagħad lill-Grupp Parlamentari, kien tassattiv u dirett ħafna.

Fiż-żewġ laqgħat, il-Prim Ministru Joseph Muscat wassal messaġġ dirett u sever li f’dan il-mument ta’ kriżi kbira ta’ korruzzjoni li qed taffettwa bl-aktar mod akut kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Partit Laburista, il-Membri Parlamentari kollha – kemm il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kif ukoll il-kumplament tal-Membri Parlamentari Laburisti – iridu joqogħdu mal-linja espressa minnu; dik ta’ difiża assoluta lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Kieth Schembri.

Il-messaġġ tal-Prim Ministru kien li lil hinn minn dak li qed jingħad dwar kumpaniji sigrieti Panama, minn fondi sigrieti fi New Zealand, minn attentati ta’ twaqqif ta’ kontijiet bankarji f’Dubaj u minn involviment f’xi tielet kumpanija, dan il-mument jitlob lill-Membri Parlamentari Laburisti kollha li jkunu kollha favur il-pożizzjoni li ħa hu bħala Prim Ministru.

Għalhekk il-mozzjoni ta’ sfiduċja programmata li tkun diskussa għada fil-Parlament il-Gvern se jibdilha f’waħda favur il-ħidma li wettaq f’dawn l-aħħar tliet snin. Fi tmiem iż-żewġ laqgħat dawk kollha preżenti baxxew rashom għall-għamar tal-Prim Ministru u għada se jivvutaw kif ordnat lilhom.

Madankollu x-xenarju veru hu ferm lil hinn minn dan kollu għaliex matul din il-ġimgħa li għaddiet kompla jikber id-dissent kemm fil-Kabinett, kemm fil-Grupp Parlamenti kif ukoll fil-Partit Laburista.

Il-Ministru Evarist Bartolo huwa rrabjat għal dak li qed jigri lill-Partit Laburista fejn klikka żgħra ta’ nies ħatfu lill-Partit Laburista. Ministri u veterani Laburisti li qed jappoġġawh qed itennu li fil-Partit Laburista hemm bżonn ta’ tindifa.

Fost il-Ministri li huma mgħaddba għal dak li qed iseħħ hemm George Vella, Louis Grech, Leo Brincat, Edward Scicluna u Edward Zammit Lewis, u Membri Parlamentari bħal Godfrey Farrugia u oħrajn, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant u oħrajn fosthom uffiċjali tal-Partit Laburista komplew jitkellmu fil-miftuħ jew fil-kurrituri dwar il-ħsara li Joseph Muscat qed jagħmel lill-Gvern u lill-Partit darba qed ikompli jonqos milli jaġixxi fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Dan minbarra li fil-Partit Laburista, minkejja l-isforzi kbar li qed isiru internament biex kollox jidher unit wara l-leader u tingħata l-impressjoni li ma hemm l-ebda dissent, f’laqgħat li saru fil-jiem li għaddew, inkluż ukoll f’laqgħat ta’ kumitati lokali Laburisti, ħarġet fil-beraħ il-qasma dwar dak li qed jagħmel Joseph Muscat.

Fil-Partit Laburista hemm min jaqbel li Joseph Muscat għandu jkollu l-Partit kollu magħqud warajh, iżda hemm vuċi soda li qed tkompli tikber li ma jistax ikun li Joseph Muscat, wara tliet snin biss, imexxi Gvern imxaqqaq b’tant każi ta’ korruzzjoni, fosthom b’dan l-aktar riċenti li qed jikkomprometti x-xogħol tal-istess Gvern.