Franza u l-Ġermanja impenjaw ruħhom biex jgħinu lill-Gvern ġdid Libjan għall-għaqda nazzjonali, meta l-Unjoni Ewropea hi lesta biex tħarreġ lill-qawwiet tas-sigurtà Libjani bħala parti mill-isforzi lejn ir-restawr tal-paċi fil-Libja.
L-Ewropa taf dwar id-diffikultajiet involuti fit-tisħiħ tas-sigurtà għal dan il-Gvern Libjan li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti u meta l-komunità internazzjonali anki trid tikkonfronta l-isfida tal-ISIS li ħataf kontroll f’diversi bnadi tal-pajjiż Għarbi.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza u l-Ġermanja għamlu żjara sorpriża fi Tripli biex isostnu l-appoġġ lill-amministrazzjoni għall-għaqda nazzjonali taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru ddesinjat, Fayez Sarraj. Il-Ministru Ġermaniż, Frank-Walter Steinmeier, qal li l-UE qed taħseb biex tagħti t-taħriġ dovut lill-qawwiet tal-Libja li ilha mill-2014 bi Gvernijiet rivali – dak fi Tripli appoġġjat mill-Iżlamiċi u bl-ieħor, li jgawdi għarfien internazzjonali, li għandu s-sede f’ Tobruk.
It-tama tal-Ewropa hi li l-Gvern ġdid ta’ Sarraj jirnexxilu jgħaqqad il-pajjiż u jikkumbatti b’mod aktar effettiv lill-ISIS, fit-territorji Libjani.
Meta tkellem fi Tripli, Steinmeier qal li l-Libjani biss jistgħu jirnexxu fl-impenn lejn it-trażżin tal-ISIS fil-Libja, waqt li l-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Jean-Marc Ayrault, tenna li ‘qegħdin jiddefendu l-istess interessi, li jinkludu r-rispett għall-identità, l-indipendenza u l-integrità ta’ kull pajjiż’.
It-taħriġ tal-qawwiet tas-sigurtà u l-gwardjani tal-fruntiera Libjani jista’ jsir barra l-Libja, bl-eżerċizzji jkomplu fil-Libja f’każ li s-sitwazzjoni ssir aktar stabbli.
Ayrault sejjaħ biex aktar pajjiżi jissieħbu fl-appoġġ għall-Gvern ta’ Sarraj biex l-amministrazzjoni, ‘l-unika waħda leġittima fil-Libja’, ikollha tassew ċans li tirnexxi.
Il-Gvern ta’ Sarraj wasal fi Tripli mit-Tuneżija, xi jiem ilu, u fil-preżent qed jiffunzjona mill-bażi navali ta’ din il-belt. Intant, dan il-Gvern għad irid ikun aċċettat, uffiċjalment, mill-Parlament ta’ Tobruk meta, għada, mistenni jittieħed vot dwar il-kwistjoni.
//= $special ?>