Il-mod kif qiegħed jimxi Simon Busuttil dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-gvern juri b’mod ċar li dan qiegħed jimxi bi prinċipju minflok b’tattiċi politiċi. Huwa ovvju, u ċertament li Simon Busuttil m’għandu ebda llużjoni dwar dan, li d-deputati Laburisti għada ser juru front unit wara l-mexxej tagħhom iżda l-mozzjoni mressqa tkompli mal-linja politika li tixħet dubji kbar dwar kemm wieħed jista’ javda lil Joseph Muscat. Il-Partit Nazzjonalista f’dan il-każ għandu l-posizzjoni tas-sewwa, organizza żewġ protesti nazzjonali kbar kontra l-koruzzjoni, żamm il-pressjoni fuq il-gvern u poġġa lil pajjiżna fuq il-mappa fil-każ ta’ l-iskandlu tal-Panama Papers għal raġunijiet tajba sabiex forsi taffa xi ftit mill-ħsara li sofra isem pajjiżna.
Kien dan il-qofol tal-messaġġ ta’ l-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta bit-titlu ‘No-confidence motion is right one’. L-istess editorjal iddeskriva d-dubji u l-mistoqsijiet ta’ l-oppożizzjoni b’rabta mat-tkaxkir tas-saqajn tal-Prim Ministru bħala leġittimi. L-istess editorjal jgħid li Joseph Muscat bl-iskużi tiegħu u spjegazzjonijiet legalistiċi qiegħed ikompli jaħrab milli jimxi ma’ l-istandard politiku li kien jitkellem dwaru hu stess.
The Sunday Times of Malta tgħid ukoll li politikament Konrad Mizzi u Keith Schembri huma ‘dead men walking’ li għadhom qed iżommu l-posizzjoni tagħhom għaliex il-Prim Ministru naqas milli jagħmel dak li kullħadd kien qiegħed jistenna minnu, jiġifieri li jneħħihom mill-kariga.
“L-Oppożizzjoni għada ser titlef il-vot iżda tirbaħ rebħa morali kbira f’isem in-numru dejjem jiżdied ta’ nies li jħossu li Muscat mexa ħażin f’din il-kobba mħabbla” jtemm jgħid l-editorjal.
//= $special ?>