Lokali

IL-MUMENT tiżvela li membri tas-Servizz tas-Sigriet intbagħtu jispjunaw

Membri tas-Servizz Sigriet Malti nhar l-Erbgħa, 6 ta’ April li għadda ntbagħtu l-Belt Valletta biex jispjunaw fuq in-nies li kien hemm miġbura quddiem il-Qorti b’rabta mal-każ tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li tressaq il-Qorti.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument urew ruħhom tassew diżgustati għal min kien moħbi wara t-teħid ta’ din id-deċiżjoni fejn kollegi kienu ordnati biex jitwasslu l-Belt Valletta biex jaraw xi jkun qed jiġri fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti fil-ħin qabel ma’ Jason Azzopardi jitressaq il-Qorti.

Min tkellem ma’ il-mument qalilna li min ħa din id-deċiżjoni u kkomunika għamel dan għaliex probabbilment kien jaf li fuq it-turġien ta’ quddiem il-Qorti kien se jkun hemm xi tip ta’ provokazzjoni u allura ried li membri tas-Servizz Sigriet Malti jintbagħtu jispjunaw fuq in-nies.

Is-sors qalilna li hi tal-mistħija din id-deċiżjoni li turi nuqqas kbir ta’ serjetà għaliex il-membri tas-Servizz Sigriet Malti m’għandhom qatt jintużaw b’dan il-mod.

“Kieku kienet xi protesta minn xi grupp ta’ barranin nifhimha, imma li jintbagħtu kollegi jispjunaw fuq Maltin oħrajn f’ċirkostanzi bħal dawn juri tassew f’liema livell qed jaqa’ s-Servizz Sigriet Malti li jesponi membri tiegħu b’dan il-mod,” qalilna s-sors tagħna.

Min ħareġ l-ordni biex jintbagħtu jispjunaw?
Il-persuna li tkellmet ma’ il-mument kompliet li fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni fis-Servizz Sigriet Malti ddeġenerat ħafna fejn saħansitra impjegati ma jistgħux jafdaw lil xulxin minħabba aġendi moħbija, fosthom aġendi ta’ min jilgħab logħob doppju.

Hemm min jiddeskrivi lil Paul Bugeja, id-Direttur tas-Servizz Sigriet Malti, bħala ġentlom wisq u mhux kapaċi jieqaf għal ordnijiet minn fuq li ma jkunux leġittmi. Din l-ordni partikolari ta’ spjunaġġ fil-Belt Valletta nhar l-Erbgħa min fejn ġiet? Ġiet direttament mingħand il-Ministru Carmelo Abela? Jew kienet l-inizjattiva ta’ xi ħadd ieħor? Kemm intbagħtu nies?

Possibbli s-Servizz Sigriet Malti daqstant m’għandux x’jagħmel – anki f’dawn iż-żminijiet fejn it-terroriżmu fil-Mediterran u fl-Ewopra qiegħed ikompli jgħolli rasu – li jaffordja jaħli numru ta’ membri fi ħdanu biex jagħmlu xogħol li ma għandu x’jaqsam xejn ma’ dak mistenni mis-Servizz Sigriet Malti?

Taqtiegħa ħarxa fis-Servizz Sigriet Malti
Hemm min jiddeskrivi lil Paul Bugeja li tant hu ġentlom li ma jasalx ixomm lil min irid iwarrbu mill-pożizzjoni tiegħu. Fil-preżent fis-Servizz Sigriet Malti hemm vakanza għal Assistent Direttur. Fuq din il-vakanza hemm għaddejja minn taħt taqtiegħa ħarxa.

Nuqqasijiet fix-shadowing ta’ barranin li jinsabu f’Malta
Il-persuna li tkellmet ma’ il-mument kompliet li anki l-komunikazzjoni bejn iż-żewġ taqsimiet prinċipali fis-Servizz Sigriet Malti ma tantx hi waħda sana. “Anzi xi drabi jittieħdu ċerti deċiżjonijiet li anqas Paul Bugeja ma jkun konxju tagħhom. Hemm min jieħu deċiżjonijiet mingħajr ma jinforma lil Bugeja. Per eżempju Paul Bugeja hu infurmat bix-shadowing kollu li jsir? U bit-telefonati kollha li jkunu interċettati?”

Dawn in-nuqqasijiet huma evidenti ħafna fir-rigward tal-barranin li hawn jgħixu Malta fejn is-Servizz Sigriet Malti hu litteralment nieqes minn ħafna informazzjoni, apparti li fi ħdanu mbagħad hemm min iżomm l-informazzjoni għalih u ma jikkomunikahiex ma’ kollegi tiegħu li direttament ikunu interessati fiha minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu.

Min tkellem ma’ il-mument temm jgħid li hi ħasra li huma jkunu trattati b’mod daqstant dilenttantesk. “Il-fiduċja fis-Servizz Sigriet Malti żgur li ma tikbirx billi membri tiegħu jintbagħtu jinfiltraw fost Nazzjonalisti li jkunu qed jinġabru għal xi attività politika. Il-fiduċja fis-Servizz Sigriet Maltin tikber billi b’mod effettiv, per eżempju, jinfiltra f’xi qabda ta’ sustanza illegali!”